22 Jun 2021

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħareġ abbozz ta’ linji gwida biex jirregola l-użu ta’ riklami u materjal promozzjonali mill-gvern u entitajiet pubbliċi.

Il-linji gwida huma maħsuba biex jiżguraw li l-ministri ma jonfqux fondi pubbliċi fuq pubbliċità personali jew politika.

Dawn il-linji gwida ma jirrappreżentawx regoli ġodda fihom infushom. Huma jindikaw kif il-Kummissarju bi ħsiebu japplika r-regoli eżistenti fil-kodiċi ta’ etika tal-ministri f’każi li jinvolvu riklami jew materjal promozzjonali imħallsa minn fondi pubbliċi.

Il-Kummissarju ħareġ il-linji gwida bħala abbozz biex jikkonsulta dwarhom qabel ma jibda japplikahom. Kull min jixtieq jagħti l-veduti tiegħu dwarhom, inkluż il-partiti politiċi, il-gvern u l-pubbliku in ġenerali, huwa mistieden jagħmel dan.

Il-perjodu ta’ konsultazzjoni jagħlaq nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Lulju 2021. Wara din id-data l-Kummissarju jirrevedi l-linji gwida skont kif jidhirlu li jkun hemm bżonn fid-dawl tal-veduti li jkun irċieva, imbagħad jippubblikahom b’mod uffiċjali fuq dan is-sit elettroniku.

Id-dokument jirrikonoxxi li l-gvern għandu dover li jikkomunika mal-pubbliku, u għandu diskrezzjoni wiesa’ biex jiddeċiedi meta għandu jikkomunika permezz ta’ riklami u materjal promozzjonali għal skopijiet leġittimi. Madankollu, hemm linja li m’għandhiex tinqabeż, u l-linji gwida huma ntiżi biex jiddefinixxu dik il-linja.

Il-linji gwida ikopru mhux biss riklami iżda anki, fost affarijiet oħra, artikli li jiġu ppubblikati bi ħlas, fuljetti, kartolini, oġġetti li jitqassmu bħala rigali, u materjal awdjoviżiv li jixxandar fuq it-televiżjoni jew il-midja soċjali – dejjem jekk dawn jiġu mħallsa minn fondi pubbliċi.

Il-linji gwida jgħidu fost affarijiet oħra li:

  • Riklam jew materjal promozzjonali tal-gvern jew ta’ entità pubblika m’għandux jinkludi kontenut ta’ natural partiġġjana.
  • Riklam jew materjal promozzjonali tal-gvern jew ta’ entità pubblika għandu jkun fattwalment korrett f’dak li jgħid.
  • Riklam tal-gvern jew ta’ entità pubblika m’għandux jinkludi isem jew ritratt ta’ ministru.
  • Fuljett jew dokument ieħor (basta mhux riklam) maħruġ mill-gvern jew entità pubblika jista’ jinkludi kontenut li jirreferi għal ministru, sakemm dan il-kontenut ikun strettament limitat u jikkontribwixxi għall-għanijiet leġittimi tad-dokument.
  • Pubblikazzjoni li tkun sponsorjata mill-gvern għandha tindika dal-fatt għall-finijiet ta’ trasparenza.
  • Ministru għandu jidderieġi fondi pubbliċi lejn il-midja għall-finijiet ta’ riklamar skont kriterji ġusti u oġġettivi.

Il-linji gwida jispeċifikaw li ma jkoprux kull sitwazzjoni li tista’ tinqala’, u kwistjonijiet fejn ma japplikawx il-linji gwida se jkomplu jiġu regolati mill-kodiċi ta’ etika tal-ministri.

L-abbozz tal-linji gwida jista’ jitniżżel minn hawn. Kull min jixtieq jagħti l-veduti tiegħu fuq il-linji gwida jista’ jikteb email indirizzata lil office@standardscommissioner.com jew jibgħat ittra lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, 11 Triq San Pawl, il-Belt Valletta VLT 1210, sa mhux aktar tard mit-23 ta’ Lulju 2021.