Politika dwar il-privatezza
Il-privatezza tiegħek hija importanti għall-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Din il-paġna tgħid x’informazzjoni niġbru meta inti żżur il-website tagħna u kif nittrattaw kull informazzjoni oħra li tibgħatilna.
Cookies
Bħall-biċċa l-kbira tal-websites, dan is-sit juża l-cookies. Cookies huma biċċiet żgħar ta’ informazzjoni li jinżammu fil-kompjuter tiegħek meta inti żżur website partikolari. Il-cookies ikollhom data’ ta skadenza li tiddetermina kemm idumu fil-kompjuter tiegħek. Bħala regola ġenerali, il-cookies jitħassru awtomatikament meta tasal id-data tal-iskadenza, inkella tista’ tħassarhom inti.
Dan is-sit jinkludi links għal websites esterni li għandhom politika separata tagħhom dwar il-privatezza, u jistgħu jużaw il-cookies b’mod differenti.
Messaġġi u ilmenti
Meta tibgħatilna messaġġ permezz tal-formola “Ikkuntattjana” ta’ din il-website, l-informazzjoni li tibgħatilna (inkluż ismek u l-indirizz tal-email tiegħek) tiġi trasmessa lilna bħala email iġġenerata awtomatikament. Din il-website ma żżomm xejn mill-informazzjoni li ddaħħal fil-formola.
Aħna nittrattaw kull informazzjoni li tibgħatilna bħala kunfidenzjali u ma nqassmuhiex barra minn dan l-uffiċċju ħlief kif ikun meħtieġ biex nindirizzaw it-talba tiegħek jew kif titlob il-liġi. Jekk il-messaġġ tiegħek jirrappreżenta ilment formali, dan jiġi ttrattat kif indikat fil-paġna dwar l-investigazzjoni ta’ ilmenti.
Ħarsien ta’ data personali
Għandek id-dritt li tara kull informazzjoni li nżommu dwarek. Tista’ titlob li din l-informazzjoni tiġi mħassra jew irranġata jekk mhix korretta. Għal dan il-għan, jekk jogħġbok ikkuntattja lid-Direttur Ġenerali ta’ dan l-uffiċċju, li huwa wkoll il-kontrollur tad-data tagħna.
Jekk ma tkunx sodisfatt bit-trattament tat-talba tiegħek, tista’ tilmenta għand il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data. Għal aktar tagħrif ara www.idpc.gov.mt.