Kif tagħmel ilment
Dwar min tista’ tagħmel ilment
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jista’ jikkunsidra ilmenti dwar:
- ministri, segretarji parlamentari u assistenti parlamentari;
- membri oħra tal-Parlament; u
- persuni ta’ fiduċja – jiġifieri persuni ingaġġati fis-segretarjat privat ta’ ministru jew segretarju parlamentari bil-għan li jagħtu pariri, jaġixxu ta’ konsulenti, jew jaġixxu fi rwol eżekuttiv.
Assistenti parlamentari huma membri tal-Parlament li jinħatru biex jgħinu lill-ministri u s-segretarji parlamentari. Numru ta’ membri tal-Parlament servew f’din il-kariga bejn l-2010 u l-2013, iżda minn dak iż-żmien ‘l hawn ma reġgħux inħatru assistenti parlamentari.
Il-kliem “persuni ta’ fiduċja” normalment jittieħdu li jfissru “political appointees”. Iżda l-istess kliem jintużaw f’sens idjaq mill-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Aktar tagħrif dwar persuni ta’ fiduċja, sew fis-sens wiesa’ u sew kif definit fl-Att, jinsab f’din in-nota ta’ informazzjoni.
X’tip ta’ mġiba tista’ tilmenta dwarha
Il-Kummissarju jista’ jikkunsidra ilmenti li ministri, segretarji parlamentari jew membri tal-Parlament –
- kisru l-liġi;
- naqsu milli jsegwi xi obbligu etiku jew dmir ieħor li joħroġ mil-liġi, inkluż il-kodiċi ta’ etika ministerjali jew il-kodiċi għad-deputati, li t-tnejn jinsabu fl-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika; jew
- użaw setgħat diskrezzjonali b’mod li jirrappreżenta abbuż ta’ poter.
Il-Kummissarju jista’ jikkunsidra ilmenti li persuni ta’ fiduċja kisru l-kodiċi ta’ etika li jinsab fl-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.
Inti mitlub iżżomm f’moħħok il-punti li ġejjin jekk qed taħseb biex tibgħat ilment.
Termini ta’ żmien
Il-Kummissarju ma jistax jinvestiga azzjonijiet li seħħew qabel ma ġie fis-seħħ l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, jiġifieri t-30 ta’ Ottubru 2018.
Barra minn dan, għandek tagħmel l-ilment tiegħek mhux aktar tard minn tletin jum tax-xogħol minn meta sirt taf bl-azzjonijiet li tixtieq tilmenta dwarhom, u mhux aktar tard minn sena wara li seħħew dawn l-azzjonijiet. L-Att ma jħallix il-Kummissarju jikkunsidra ilment li jiġi sottomess wara li jiskadi kwalunkwe wieħed minn dawn il-perjodi ta’ żmien.
Passi li jkunu qed jittieħdu minn ħaddieħor
Il-Kummissarju ma jistax jikkunsidra ilment jekk –
- hemm kawża dwar l-istess każ pendenti quddiem qorti jew tribunal imwaqqaf bil-liġi;
- il-Qorti tal-Maġistrati qed tagħmel inkjesta fuq l-istess każ; jew
- il-każ diġà qiegħed jiġi investigat mill-pulizija.
Deċiżjoni li ma jinvestigax
Il-Kummissarju jista’ ma jinvestigax ilment jekk fil-fehma tiegħu –
- m’hemmx lok għal investigazzjoni;
- l-ilment huwa trivjali, frivolu jew vessatorju; jew
- l-ilment mhux bona fede.
F’każijiet bħal dawn, il-Kummissarju jiktiblek biex jgħidlek għalfejn iddeċieda li m’għandux jinvestiga l-ilment tiegħek.
Kif tista’ tibgħat l-ilment tiegħek
Tista’ tibgħat l-ilment tiegħek bħala ittra bil-posta jew bħala email, jew inkella permezz tal-formola fil-paġna “Ikkuntattjana” ta’ dan is-sit.
Jekk jogħġbok identifika lilek innifsek b’mod ċar fl-ilment tiegħek, għax skont il-liġi l-Kummissarju ma jistax jikkunsidra ilmenti anonimi. Jekk ma tixtieqx li ismek jiġi żvelat, għamel din ix-xewqa ċara fl-ilment tiegħek.
Jekk jogħġbok, identifika wkoll b’mod ċar il-persuna jew persuni li qed tilmenta dwarhom. Agħti kemm tista’ informazzjoni dwar x’taħseb li għamlu ħażin.
F’każi eċċezzjonali ilment jista’ jsir bil-fomm, għalkemm il-liġi titlob li ilment bil-fomm jitniżżel bil-miktub fi żmien għaxart ijiem. Jekk tixtieq tagħmel ilment bil-fomm, ċempel lill-Uffiċċju tal-Kummissarju biex tagħmel appuntament mal-Kummissarju jew membru tal-istaff tiegħu.
Tista’ tinteressak il-paġna dwar