Other documents

Dokumenti oħra maħruġa mill-Kummissarju għall-Istandards

Dokumenti maħruġa mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, apparti rapporti dwar investigazzjonijiet u rapporti annwali, jistgħu jitniżżlu minn din il-paġna.

Analiżi dwar l-infiq mill-kandidati fl-elezzjoni ġenerali

Dan ir-rapport jagħmel analiżi ġenerali tan-nefqa mill-kandidati fl-elezzjoni ġenerali tal-2022. Ir-rapport jindaga dwar l-attivitajiet tal-kandidati, kif irrapportaw in-nefqa tagħhom, u kif inhu regolat dan l-infiq. Ir-rapport isib li m’hemmx kontroll effettiv fuq l-infiq mill-kandidati fl-elezzjonijiet ġenerali u jqajjem tħassib dwar l-effett li dan in-nuqqas ta’ kontroll jista’ jkollu fuq l-istandards fil-ħajja pubblika.

Maħruġ: 30 ta’ Settembru 2022 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument

Ittra lill-Prim Ministru – 27 ta’ Settembru 2022

Permezz ta’ din l-ittra, il-Kummissarju bagħat lill-Prim Ministru rapport maħruġ mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku li jipproponi li l-kodiċijiet ta’ etika għall-ministri u d-deputati parlamentari jiġu riveduti u jingħataw aktar saħħa. L-ittra tagħmel rakkomandazzjoni formali skont l-artikolu 13(1)(g) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika sabiex jiġu riveduti ż-żewġ kodiċijiet kif propost fir-rapport. Ara din il-paġna għal aktar tagħrif dwar ir-rapport.

Maħruġ: 27 ta’ Settembru 2022 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument

Ittra lill-Prim Ministru – 11 ta’ Lulju 2022

Permezz ta’ din l-ittra, il-Kummissarju bagħat lill-Prim Ministru tliet rapporti maħruġa mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku. Ir-rapporti jittrattaw dwar l-operat tal-uffiċċju tal-Kummissarju, l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, u r-regolamentazzjoni tal-lobbying f’Malta. L-ittra tgħid li l-ewwel rapport qed jintbagħat għall-fini ta’ informazzjoni biss, filwaqt li t-tieni u t-tielet rapporti qed jintbagħtu bil-għan li jiġu implimentati. L-ittra tagħmel rakkomandazzjoni formali sabiex jiġi adottat ir-rapport dwar il-lobbying, billi l-artikolu 13(1)(f) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika jagħti s-setgħa lill-Kummissarju li jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar dan is-suġġett. Ara din il-paġna għal aktar informazzjoni dwar ir-rapporti.

Maħruġ: 11 ta’ Lulju 2022 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument

Linji gwida dwar riklami u materjal promozzjonali tal-gvern

Dan id-dokument jippreżenta linji gwida li huma maħsuba biex jiżguraw li l-ministri ma jonfqux fondi pubbliċi fuq pubbliċità personali jew politika. Il-linji gwida japplikaw ukoll għall-persuni ta’ fiduċja. Il-Kummissarju jirreferi għal dawn il-linji gwida huwa u jinterpreta l-kodiċi ta’ etika relevanti f’każi li jinvolvu riklami u materjal promozzjonali tal-gvern.

Maħruġ: 2 ta’ Awwissu 2021 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument

Ittra lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati – 6 ta’ Mejju 2021

F’din l-ittra l-Kummissarju jindirizza allegazzjonijiet oħra dwaru u dwar l-uffiċċju tiegħu li saru mill-Onor Glenn Bedingfield MP waqt diskors fil-Parlament fit-3 ta’ Mejju 2021.

Maħruġ: 6 ta’ Mejju 2021 | Lingwa: Bil-Malti | Niżżel id-dokument

Nota ta’ informazzjoni dwar persuni ta’ fiduċja

F’Malta l-frażi “persuni ta’ fiduċja” normalment tittieħed li tfisser persuni maħtura bil-politika (political appointees). Iżda din il-frażi tintuża f’sens aktar ristrett fl-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Din in-nota hija maħsuba biex tgħin lill-qarrej jifhem min huma l-persuni ta’ fiduċja fl-amministrazzjoni pubblika ta’ Malta, sew skont it-tifsira ġeneralment aċċettata u sew skont id-definizzjoni fl-Att.

Aġġornat: 28 ta’ April 2021 | Lingwa: Bil-Malti u bl-Ingliż | Niżżel id-dokument bil-Malti | Niżżel id-dokument bl-Ingliż

Ittra lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati – 21 ta’ April 2021

F’din l-ittra l-Kummissarju jindirizza allegazzjonijiet dwaru u dwar l-uffiċċju tiegħu li saru mill-Onor Glenn Bedingfield MP waqt diskors fil-Parlament fid-19 ta’ April 2021.

Maħruġ: 21 ta’ April 2021 | Lingwa: Bil-Malti | Niżżel id-dokument

Ittra lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati – 9 ta’ April 2021

F’din l-ittra l-Kummissarju jesprimi tħassib għax il-Kumitat għall-Istandards qed idum biex jippubblika r-rapporti dwar investigazzjonijiet li jiġu riferuti lilu. Il-Kummissarju jesprimi wkoll il-fehma li f’kull każ hu u mhux il-Kumitat għandu jkun risponsabbli għall-pubblikazzjoni ta’ rapporti simili.

Maħruġ: 9 ta’ April 2021 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument

Ittra lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati – 4 ta’ Marzu 2021

F’din l-ittra l-Kummissarju jippreżenta l-veduti tiegħu fuq ruling tal-Ispeaker tat-2 ta’ Marzu 2021 dwar is-setgħa tal-Kummissarju li jinvestiga lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat in konnessjoni maż-żamma ta’ ġurnalisti fil-Berġa ta’ Kastilja f’Novembru tal-2019.

Maħruġ: 4 ta’ Marzu 2021 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument

Deċiżjoni dwar talba għal investigazzjoni mingħand Dr Jason Azzopardi MP

Fit-8 ta’ Novembru 2020 l-Onor Dr Jason Azzopardi MP talab lill-Kummissarju jinvestigah in konnessjoni ma’ rapport li huwa kien ingħata akkommodazzjoni b’xejn waqt żjara f’Tel Aviv fl-2017. Dan id-dokument jippreżenta d-deċiżjoni tal-Kummissarju dwar it-talba ta’ Dr Azzopardi.

Maħruġ: 10 ta’ Novembru 2020 | Lingwa: Bil-Malti | Niżżel id-dokument

Kodiċijiet ta’ etika riveduti għad-deputati parlamentari u l-ministri

Dan ir-rapport jipproponi kodiċijiet ta’ etika riveduti għall-membri tal-Kamra tad-Deputati u għall-ministri u s-segretarji parlamentari. Ir-rapport ġie ppreżentat lill-Kumitat għall-Istandards bħala rakkomandazzjoni skont l-artikolu 13(1)(g) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

Maħruġ: 29 ta’ Lulju 2020 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument

Proposti biex jiġi regolat il-lobbying: sommarju

Dan id-dokument ta’ tmien paġni jagħti sommarju tal-proposti tal-Kummissarju dwar kif għandu jiġi regolat il-lobbying. Huwa aċċessibbli bil-Malti u bl-Ingliż u jista’ jinqara mingħajr referenza għad-dokument ewlieni (ara taħt).

Maħruġ: 6 ta’ April 2020 | Lingwa: Bil-Malti u bl-Ingliż | Niżżel id-dokument bil-Malti | Niżżel id-dokument bl-Ingliż

Proposti biex jiġi regolat il-lobbying: dokument ta’ konsultazzjoni

Dan id-dokument jippreżenta proposti dwar liġi ġdida biex tirregola l-lobbying u titlob il-veduti tal-pubbliku dwarhom. Wara l-għeluq tal-perjodu ta’ konsultazzjoni, il-Kummissarju għall-Istandards se jirrevedi l-proposti tiegħu kif jinħtieġ fid-dawl tal-kummenti tal-pubbliku u jippreżentahom lill-gvern bħala rakkomandazzjonijiet formali skont l-artikolu 13(1)(f) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

Maħruġ: 28 ta’ Frar 2020 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument

Stqarrija tal-Kummissarju dwar l-ingaġġ mal-gvern ta’ deputati backbenchers

Din l-istqarrija ssegwi rapport maħruġ mill-Kummissarju fil-5 ta’ Lulju 2019, fejn sab li huwa fundamentalment ħażin li l-gvern jagħti ħatriet lid-deputati parlamentari backbenchers, u risposta ppubblikata fil-11 ta’ Novembru 2019 mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, li qal li din il-prattika ma fiha xejn ħażin. F’din l-istqarrija l-Kummissarju jispjega għalfejn ma jaqbilx mal-veduti tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.

Maħruġ: 22 ta’ Novembru 2019 | Lingwa: Bil-Malti u bl-Ingliż | Niżżel id-dokument bil-Malti | Niżżel id-dokument bl-Ingliż

Proposti dwar ir-riforma tal-Kostituzzjoni

Dan ir-rapport ta’ 138 paġna jippreżenta proposti dettaljati għal tibdil fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. Il-proposti huma ntiżi biex itejbu l-istandards fil-ħajja pubblika billi jsaħħu l-Parlament u l-qrati, iħarsu aħjar il-prinċipju tal-mertu fil-ħatriet, u jpoġġu l-amministrazzjoni pubblika Maltija fuq sisien aktar sodi. Ir-rapport jinkludi emendi kostituzzjonali li huma mfassla fuq dawn il-proposti.

Il-Kummissarju għall-Istandards ippreżenta dan ir-rapport lill-President ta’ Malta bħala risposta għas-sejħa tal-President biex il-pubbliku jibgħat l-ideat tiegħu dwar riformi kostituzzjonali.

Maħruġ: 30 ta’ Ottubru 2019 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument

Tista’ tinteressak il-paġna dwar

Il-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika