07 Apr 2020

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qed jestendi b’xahar il-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar il-proposti tiegħu biex jiġi regolat il-lobbying.

Fit-28 ta’ Frar 2020, il-Kummissarju ħareġ dokument ta’ konsultazzjoni bi proposti dwar kif għandu jiġi regolat il-lobbying. Il-Kummissarju stieden lill-pubbliku biex jibgħat il-fehmiet tiegħu dwar dawn il-proposti u ta żmien sal-aħħar ta’ April 2020 għal dan il-għan.

Dan iż-żmien issa qed jiġi estiż sal-aħħar ta’ Mejju 2020 biex jingħata aktar żmien lil kull min jixtieq jibgħat il-veduti tiegħu.

Il-Kummissarju qiegħed ukoll joħroġ sommarju tal-istess proposti f’dokument ta’ tmien paġni bil-Malti u bl-Ingliż. Il-verżjoni bil-Malti tista’ titniżżel minn hawn.

Il-kelma “lobbying” tirreferi għall-isforzi min-naħa ta’ individwi u entitajiet privati biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-gvern għall-benefiċċju tagħhom.

Il-Kummissarju qed jipproponi li l-lobbying għandu jkun regolat permezz ta’ liġi ġdida. Fost affarijiet oħra, din il-liġi għandha tobbliga lill-ministri, is-segretarji parlamentari, u l-kapijiet u d-deputati kapijiet tas-segretarjati tagħhom li jniżżlu f’Reġistru tat-Trasparenza dettalji dwar kull komunikazzjoni (inkluż laqgħat) ma’ persuni involuti fil-lobbying.

Il-Kummissarju bi ħsiebu jirrevedi l-proposti tiegħu fid-dawl tar-reazzjonijiet li jirċievi. Huwa mbagħad jippreżenta l-proposti riveduti lill-gvern bħala rakkomandazzjonijiet formali skont l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.