25 Mar 2020

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qal li meta ministru jagħti appoġġ lil xi inizjattiva ta’ operatur privat, għandu joqgħod attent li ma jaqbiżx il-linja bejn għajnuna uffiċjali xierqa u l-għoti ta’ vantaġġ mhux xieraq.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment mingħand l-għaqda volontarja Repubblika kontra l-Ministru Julia Farrugia Portelli talli dehret f’filmat promozzjonali prodott mid-ditta legali Chetcuti Cauchi Advocates, liema filmat ġie miġbud fil-Berġa ta’ Kastilja.

Il-Kummissarju sab li d-ditta legali Chetcuti Cauchi pproduċiet tliet filmati biex tippromwovi l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment u ta’ viżi residenzjali. Il-Ministru Farrugia Portelli, li dak iż-żmien kienet Segretarju Parlamentari risponsabbli minn dawn l-iskemi, dehret fit-tliet filmati flimkien ma’ uffiċjali tal-aġenziji tal-gvern li jamministraw l-iskemi u ma’ rappreżentanti tad-ditta nnifisha. It-tliet filmati nġibdu f’Kastilja.

Il-Kummissarju kkonkluda li dan seta’ ta vantaġġ mhux xieraq lid-ditta legali in kwistjoni għax il-filmati taw l-impressjoni li d-ditta kellha rabtiet mill-qrib mal-awtoritajiet. Il-Kummissarju qal: “hemm linja fina bejn il-promozzjoni ta’ skema tal-Gvern u l-għoti ta’ trattament preferenzjali lil aġent partikolari. Fil-fehma tiegħi, din il-linja nqabżet fil-każ taħt konsiderazzjoni.”

Madankollu, il-Kummissarju sab ukoll li s-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli ma kenitx direttament involuta fil-produzzjoni tal-filmati, apparti li tat is-sehem tagħha. Għaldaqstant dan il-każ ma kienx riżultat ta’ mala fede iżda ta’ nuqqas ta’ ħsieb min-naħa tagħha, kif ukoll nuqqas ta’ azzjoni f’waqtha biex il-filmati jitneħħew malli saret taf bl-effetti tal-aġir tagħha.

Wara li l-Kummissarju ltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli u mal-Avukat Jean Philippe Chetcuti tad-ditta Chetcuti Cauchi, is-Segretarju Parlamentari tat struzzjonijiet biex il-filmati jitneħħew mill-paġni elettroniċi tad-ditta. Il-Kummissarju deherlu li fiċ-ċirkostanzi dik l-azzjoni u r-rapport tiegħu huma fihom infushom rimedju biżżejjed. Għalhekk għalaq il-każ skont l-artikolu 22(5) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.