28 Feb 2020
The Parliament building in Valletta, Malta

Dr George Hyzler, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, ħareġ dokument ta’ konsultazzjoni bi proposti dwar kif għandu jiġi regolat il-lobbying. Dan hu skont l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, li jobbliga l-Kummissarju li jfassal rakkomandazzjonijiet dwar il-lobbying.

Il-kelma “lobbying” tirreferi għall-isforzi min-naħa ta’ individwi u entitajiet privati biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-gvern għall-benefiċċju tagħhom. Il-lobbying iqajjem tħassib f’ħafna pajjiżi għax jekk ma jkunx regolat, jista’ jwassal biex interessi privati jassumu influwenza żejda fit-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-gvern, u l-pubbliku in ġenerali jmur minn taħt.

Id-dokument tal-Kummissarju jeżamina l-mekkaniżmi li ġew adottati minn pajjiżi differenti biex jirregolaw il-lobbying, u jippreżenta proposti dwar kif għandu jiġi regolat il-lobbying f’Malta. L-għan huwa li tiżdied it-trasparenza u jissaħħu l-istandards fit-tmexxija. Ir-regolamentazzjoni tal-lobbying għandu wkoll ixejjen l-użu ta’ influwenza (trading in influence), li huwa reat kriminali.

Il-Kummissarju qed jipproponi li l-lobbying għandu jkun regolat permezz ta’ liġi ġdida msejħa l-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Lobbying. Dan l-Att għandu jiddefinixxi l-lobbying bħala kull “komunikazzjoni relevanti” dwar “materji relevanti” li ssir lil “uffiċjali pubbliċi identifikati”. Id-dokument ta’ konsultazzjoni jipproponi tifsiriet dettaljati għal dawn it-tliet frażijiet.

Id-dokument jipproponi li kull persuna jew entità li tkun involuta fil-lobbying għandha ġġib ruħha skont kodiċi ta’ mġiba. Barra minn hekk, uħud minn dawn il-persuni u entitajiet għandhom ikunu obbligati jirreġistraw f’Reġistru tal-Lobbyists li jinżamm mill-Kummissarju għall-Istandards. Dawn il-lobbyists għandhom jissottomettu aġġornamenti regolari dwar l-attivitajiet tagħhom.

Inoltre, id-dokument jipproponi li l-ministri, is-segretarji parlamentari, u l-kapijiet u d-deputati kapijiet tas-segretarjati tagħhom għandhom jirreġistraw kull komunikazzjoni relevanti (inkluż laqgħat) f’Reġistru tat-Trasparenza li għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku. Dan jibni fuq il-prattika diġà adottata minn Dr Aaron Farrugia, Ministru għall-Ambjent, li dan l-aħħar ikkommetta ruħu li jippubblika reġistru tal-laqgħat tiegħu ma’ interessi privati.

Il-Kummissarju qed jipproponi wkoll li l-ministri, is-segretarji parlamentari u xi uffiċjali oħra tal-istat m’għandhomx jitħallew jaġixxu bħala lobbyists għal perjodu ta’ żmien wara li jispiċċaw mill-karigi tagħhom. B’hekk, interessi privati ma jkunux jistgħu jakkwistaw influwenza żejda fid-deċiżjonijiet tal-gvern bis-saħħa ta’ uffiċjali anzjani li jkunu għadhom kemm spiċċaw mill-kariga.

Fl-aħħar nett, id-dokument jipproponi li għandu jkun hemm ministru risponsabbli għall-amministrazzjoni tal-Att, skont il-prattika stabbilita, iżda l-Att għandu jiġi inforzat mill-Kummissarju għall-Istandards. Il-Kummissarju għandu jkollu s-setgħa li jimponi penali amministrattivi, iżda bil-possibbiltà ta’ reviżjoni mill-qrati.

Id-dokument ta’ konsultazzjoni jista’ jitniżżel minn hawn. Kull min jixtieq jista’ jibgħat il-fehmiet tiegħu dwar il-proposti lill-Kummissarju matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni, li se jibqa’ miftuħ sat-30 ta’ April 2020. Il-Kummissarju bi ħsiebu jirrevedi l-proposti tiegħu fid-dawl tar-reazzjonijiet tal-pubbliku. Huwa mbagħad jippreżenta l-proposti riveduti lill-gvern bħala rakkomandazzjonijiet formali skont l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

Ritratt: il-bini tal-Parlament fil-Belt Valletta.