07 Aug 2023

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qal li jkun ksur ta’ etika jekk deputat parlamentari ma jagħmilx dikjarazzjoni tad-dħul tiegħu għall-finijiet tat-taxxa.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra tliet ilmenti kontra l-eks deputat parlamentari Dr Jason Azzopardi talli ma bagħatx dikjarazzjoni tad-dħul tiegħu għas-snin 2018 u 2019 fil-ħin. L-ilmenti saru f’Marzu tal-2021, meta Dr Azzopardi kien għadu deputat.

Dr Azzopardi ammetta mal-Kummissarju li huwa kien naqas milli jibgħat id-dikjarazzjonijiet, iżda qal li dan kien minħabba ċ-ċirkostanzi personali u professjonali tiegħu. Qal ukoll li fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2021, huwa rregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni u ħallas l-arretrati tat-taxxa u l-penali li kienu dovuti minnu. Huwa stqarr li qatt ma kellu l-intenzjoni li jevadi t-taxxa.

Dan il-każ oriġinarjament ġie kkunsidrat mill-Kummissarju George Hyzler, li kkonkluda li l-każ kien jirrappreżenta ksur ta’ etika iżda ċ-ċirkostanzi personali ta’ Dr Azzopardi kienu fattur attenwanti. Għalhekk il-Kummissarju Hyzler ippropona li l-istqarrija ta’ Dr Azzopardi tittieħed bħala apoloġija u l-każ jiġi konkluż taħt l-artikolu 22(5) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Dan l-artikolu jagħti s-setgħa lill-Kummissarju li jagħlaq każ hu jekk il-ksur ta’ etika ma jkunx gravi u jiġi rimedjat b’mod li hu jidhirlu li jkun xieraq.

Madankollu, il-Kummissarju Hyzler ma laħaqx lesta r-rapport tiegħu dwar dan il-każ qabel ma rriżenja fit-30 ta’ Settembru 2022 sabiex jassumi l-kariga l-ġdida tiegħu bħala membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Fit-8 ta’ Marzu 2023 inħatar il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi bħala Kummissarju għall-Istandards. Wara li kkunsidra l-każ huwa qabel mal-konklużjonijiet tal-Kummissarju Hyzler, u għalaq il-każ fuq din il-bażi.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.