10 Nov 2021

Fid-9 ta’ Novembru 2021, il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards unanimament adotta rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li kkonkluda li l-Onor. Rosianne Cutajar kienet naqset milli tiddikjara dħul mill-bejgħ ta’ propjetà fl-Imdina.

Fir-rapport tiegħu il-Kummissarju qal li l-propjetà in kwistjoni kienet inbiegħet għas-somma ta’ €3.1 miljun, u s-senserija fuq dan il-bejgħ kien jammonta għal €93,000. Il-Kummissarju kkonkluda fuq il-bilanċ tal-probabbiltajiet li l-Onor. Cutajar kienet aġixxiet bħala sensar fil-bejgħ tal-propjetà flimkien mal-canvasser tagħha Charles Farrugia, u li kienu qasmu s-senserija bejniethom.

Il-propjetà fl-Imdina nbiegħet f’Mejju tal-2019, meta l-Onor. Cutjar kienet deputat parlamentari u kienet ukoll maħtura bħala Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija (kariga ta’ fiduċja fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru).

F’Jannar tal-2020 l-Onor. Cutajar inħatret Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u Riformi. F’din il-kariga hija kienet obbligata tiddikjara d-dħul tagħha għas-sena 2019, iżda d-dikjarazzjoni tagħha ma kien fiha ebda riferenza għas-sehem tagħha mis-senserija. Għal din ir-raġuni l-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li hija kienet naqset mill-obbligi etiċi tagħha bħala Segretarju Parlamentari.

Fi Frar tal-2021, wara rapporti dwar il-każ fil-midja, l-Onor. Cutajar irriżenjat minn Segretarju Parlamentari iżda baqgħet deputat.

Il-Kummissarju għall-Istandards ippreżenta r-rapport tiegħu dwar dan il-każ, flimkien ma’ żewġ volumi ta’ evidenza marbuta miegħu, lill-Kumitat għall-Istandards fit-2 ta’ Lulju 2021. Il-Kumitat awtorizza l-pubblikazzjoni tat-tliet dokumenti fil-5 ta’ Lulju 2021.

Xi ġranet wara, il-midja rrapportat li Charles Farrugia kien se jiddikjara l-ammont kollu tas-senserija bħala dħul tiegħu għall-finijiet ta’ taxxa.

Aktar tard il-Kumitat għall-Istandards iddeċieda li jinvestiga l-każ hu skont kif maħsub fl-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Fid-9 ta’ Novembru 2021 il-Kumitat sema’ x-xhieda tal-Kummissarju tat-Taxxi, Marvin Gaerty, li qal li l-Onor. Rosianne Cutajar kienet għadha taħt investigazzjoni mid-Dipartiment tal-Inland Revenue, għalkemm ma tax aktar informazzjoni. Fl-istess laqgħa l-membri tal-Kumitat qablu unanimament li jadottaw ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar il-każ.

Il-każ għadu qed jiġi kkunsidrat mill-Kumitat għall-Istandards, li għandu jiddeċiedi jekk jimponix sanzjonijiet fuq l-Onor. Cutajar.

Rapport dwar il-każ K/031 | Evidenza relatata vol. I | Evidenza relatata vol. II