05 Feb 2020
St George's Bay in Paceville, Malta

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler, qal “Li ministru jiltaqa’ waħdu, b’mod informali, ma’ persuna midħla sew tan-negozju, b’familjarità żejda, inevitabbilment jagħti lok għas-suspetti.” F’dawn il-każijiet ikun aktar għaqli li l-laqgħa tkun waħda formali fil-preżenza ta’ uffiċjali.

Il-Kummissarju għall-Istandards qal dan wara li kkunsidra każ fejn l-imprenditur Luke Chetcuti deher f’filmat jgħid li kien iltaqa’ mal-Ministru Chris Cardona u talab l-għajnuna tiegħu biex jakkwista parti mill-bajja ta’ San Ġorġ bħala konċessjoni. Il-filmat ixxandar minn stazzjoni televiżiv Franċiż bħala parti minn dokumentarju dwar il-korruzzjoni f’Malta.

Skont kif jallega s-Sur Chetcuti fil-filmat, il-Ministru Cardona minnufih bagħat messaġġ lill-Ministru Konrad Mizzi biex jitlob l-għajnuna tiegħu dwar il-konċessjoni għax il-familja Chetcuti “dejjem għenuna”. Dr Mizzi, li dak iż-żmien kien il-Ministru għat-Turiżmu, allegatament wieġeb billi qal “Il-bajja naqra żgħira imma naraw x’nagħmlu biex inkabbru l-bajja.”

Dan il-filmat wassal lill-Professur Arnold Cassola biex jissottometti ilment lill-Kummissarju kontra l-Ministri Cardona u Mizzi għax kienu lesti jiffavorixxu imprenditur b’riżorsi pubbliċi talli għen il-partit politiku tagħhom.

Fir-rapport tiegħu dwar il-każ, il-Kummissarju sab li l-allegat skambju ta’ messaġġi bejn il-Ministri Cardona u Mizzi kien jirrappreżenta ksur potenzjali ta’ etika min-naħa tal-Ministru Cardona iżda mhux il-Ministru Mizzi. Fir-risposta li huwa allegatament bagħat lill-kollega tiegħu, il-Ministru Mizzi ma kkommettiex ruħu favur l-għoti ta’ konċessjoni fil-bajja. Qal biss li ma setgħetx tingħata konċessjoni minħabba d-daqs tal-bajja, u ma mpenjax ruħu biex ikabbarha.

Madankollu, la s-Sur Chetcuti u la l-ministri konċernati ma ammettew li kien sar verament l-iskambju ta’ messaġġi. Is-Sur Chetcuti qal li d-diskors tiegħu fil-filmat ma kienx intenzjonat li jittieħed bis-serjetà.

Fil-fehma tal-Kummissarju dawn iċ-ċaħdiet ma kinux konvinċenti, iżda huwa ma setax jiġbor provi dwar l-iskambju ta’ messaġġi. Bil-liġi, il-kontenut ta’ messaġġi elettroniċi ma jinżammx, u dawk id-dettalji li jinżammu jistgħu jiġu rilaxxati biss għall-finijiet ta’ stħarriġ jew prosekuzzjoni ta’ reati gravi kriminali. Għaldaqstant il-Kummissarju ħass li ma kellux evidenza biżżejjed biex jikkonkludi li kien sar xi ksur tal-etika min-naħa tal-eks Ministru Chris Cardona.

Il-Kummissarju għall-Istandards qal li dan il-każ juri l-bżonn ta’ regoli dwar il-“lobbying”. Il-Kummissarju bi ħsiebu jissottometti proposti dwar dan fil-ġranet li ġejjin.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.

Ritratt: il-bajja ta’ San Ġorġ.