27 Oct 2023

L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (l-OECD) ħarġet rapport dwar is-sistema li permezz tagħha l-ministri u d-deputati parlamentari kull sena jagħmlu dikjarazzjoni pubblika dwar l-assi tagħhom.

Ir-rapport huwa wieħed mir-riżultati aħħarin ta’ proġett ta’ sentejn intitolat “Improving the Integrity and Transparency Framework in Malta”. Dan il-proġett kien qed jitwettaq mill-OECD fuq talba tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u kien iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Ir-rapport huwa aċċessibbli minn https://one.oecd.org/document/GOV/PGC/INT(2023)12/FINAL/en/pdf.

Fil-preżent, il-ministri jippreparaw dikjarazzjoni annwali tad-dħul u l-assi tagħhom. Dawn id-dikjarazzjonijiet jitqiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati, u b’hekk isiru aċċessibbli għall-pubbliku mill-website tal-Kamra. Kull deputat jiddikjara l-assi tiegħu (għalkemm mhux id-dħul) fuq formola differenti minn tal-ministri. Id-dikjarazzjonijiet tad-deputati ma jiġux ippubblikati, iżda l-pubbliku jista’ jitlob li jarahom.

Fost affarijiet oħra, ir-rapport tal-OECD jipproponi li s-sistema tad-dikjarazzjonijiet tal-assi għandha tiġi estiża lil ċerti persuni ta’ fiduċja. Id-dikjarazzjonijiet għandhom jinkludu aktar informazzjoni milli hu l-każ illum. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi direttament lill-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards permezz ta’ sistema elettronika.

Ir-rapport jipproponi wkoll li għandu jkun hemm sistema formalizzata għad-dikjarar ta’ kunflitti ta’ interess (per eżempju, jekk deputat parlamentari jkollu interess f’xi liġi li tkun quddiem il-Kamra). Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu separati mid-dikjarazzjonijiet tal-assi.