22 Nov 2023

Ilbieraħ il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ikkonkluda li s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett mhux ħati ta’ ksur ta’ etika talli talab siġġijiet ħdejn xulxin għalih u għall-membri tal-familja tiegħu fuq titjira tal-Air Malta lejn Londra.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra allegazzjoni li Dr Bonett gawda minn trattament speċjali għaliex l-Air Malta neħħiet passiġġieri oħra mis-siġġijiet li huma kienu bbukkjaw sabiex takkomoda lil Dr Bonett u l-familja tiegħu.

Dr Bonett informa l-Kummissarju li xi ġranet qabel it-titjira, huwa kien ibbukkja siġġijiet ħdejn xulxin għalih, għall-mara u għat-tfal tiegħu, iżda meta għamlu check-in fl-ajruport huma ngħataw siġġijiet li ma kinux ħdejn xulxin. Dr Bonett talab siġġijiet ħdejn xulxin skont il-booking li kien għamel, u din it-talba ġiet milqugħa. Kien biss wara li tela’ fuq l-ajruplan li Dr Bonett irrealizza li kienu ngħataw is-siġġijiet ta’ ħaddieħor. Fi sforz biex jirrisolvi l-kunflitt li nqala’ hu bidel is-siġġu tiegħu ma’ persuna oħra u mar ipoġġi waħdu.

L-Air Malta kkonfermat li Dr Bonett kien ibbukkja siġġijiet ħdejn xulxin qabel it-titjira, iżda qalet li minħabba difett fis-sistema tagħha dan il-booking ma ġiex reġistrat. Din kienet ir-raġuni għalfejn Dr Bonett u l-familja tiegħu ġew allokati siġġijiet differenti meta waslu fl-ajruport. Huma imbagħad ingħataw siġġijiet ħdejn xulxin għax Dr Bonett kellu żewġt itfal żgħar.

Il-Kummissarju ikkonkluda li l-insistenza ta’ Dr Bonett li jingħata siġġijiet ħdejn xulxin għalih u għall-membri tal-familja tiegħu ma kinitx tammonta għal sforz biex jakkwista trattament favorevoli ġaladarba huwa kien ibbukkja dawn is-siġġijiet minn qabel.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.