04 Nov 2021

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħeles lill-Onor. Dr Karol Aquilina MP minn akkużi li ġab ruħu b’mod li jirrifletti ħażin fuq il-Parlament billi saq b’mod perikoluż, injora ordnijiet tal-puliżija, u baqa’ għaddej fuq dawl tat-traffiku aħmar.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li l-Onor. Karol Aquilina ġie liberat minn akkużi fil-qorti dwar l-istess każ.

Il-każ seħħ f’Ġunju 2019, meta l-Onor. Karol Aquilina kien qed isuq lejn il-Parlament u daħal bejn żewġ karozzi li kienu qed jiġu skortati mill-pulizija. Waqt dan l-inċident ittieħed filmat li verżjoni editjata tiegħu ixxandret mill-preżentatur Karl Stagno Navarra fuq il-programm televiżiv tiegħu “Pjazza” f’Mejju 2020.

Ftit wara li xandar il-filmat, is-Sur Stagno Navarra rrapporta l-każ lill-Kummissarju għall-Istandards u lill-pulizija. Persuna oħra għamlet ilment mal-Kummissarju għall-Istandards dwar l-istess każ wara li rat il-programm.

Ladarba l-pulizija bdiet tinvestiga l-każ, il-Kummissarju għall-Istandards kellu jissospendi l-investigazzjoni tiegħu peress li l-artikolu 13(3) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika ma jħallihx jinvestiga każ fl-istess waqt li l-każ ikun qed jiġi investigat mill-pulizija.

L-investigazzjoni tal-pulizija wasslet biex l-Onor. Karol Aquilina jittella’ l-qorti fuq akkużi ta’ sewqan traskurat u bla kont. Fid-29 ta’ Settembru 2021 il-qorti lliberat lill-Onor. Aquilina u qalet li l-akkużi kontra tiegħu “assolutament ma jirriżultawx”.

Hekk kif intemmew l-proċeduri legali, il-Kummissarju għall-Istandards seta’ jkompli jikkunsidra l-każ. Fid-dawl tas-sentenza tal-qorti l-Kummissarju kkonkluda li ma kien hemm ebda ksur ta’ etika u għalhekk ma laqax l-ilmenti.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.