04 Oct 2019
The Office of the Prime Minister, Auberge de Castille, Valletta, Malta

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ikkonkluda li d-dikjarazzjoni tal-gvern fi stqarrija maħruġa fis-17 ta’ Awwissu 2019 kienet żbaljata meta qalet li s-salarji tal-ministri għadhom eżatt l-istess kif kienu fl-2013. Madankollu, l-iżball kien riżultat ta’ nuqqas ta’ ħsieb u mhux ta’ qerq u fi kwalunkwe każ ġie korrett immedjatament.

Din l-istqarrija tal-gvern kienet ħarġet bil-għan li tiċħad rapporti fil-media dwar żidiet sostanzjali fis-salarji tas-segretarji parlamentari, kif ukoll allegazzjoni minn membru tal-oppożizzjoni li s-salarji tas-segretarji parlamentari saħansitra rdoppjaw bejn l-2017 u l-2018. B’reazzjoni għal dan, il-Profs Arnold Cassola talab il-Kummissarju għall-Istandards jinvestiga l-każ.

Fir-rapport tiegħu dwar il-każ, il-Kummissarju sab li s-salarji tas-segretarji parlamentari (u tal-ministri) żdiedu għax huma marbutin mal-ogħla skala ta’ salarju fis-servizz pubbliku, bħal ma huma s-salarji tal-President, tal-Prim Ministru, tal-imħallfin u l-maġistrati, u tal-Ispeaker, fost oħrajn. Is-salarji fis-servizz pubbliku żdiedu sostanzjalment bis-saħħa ta’ ftehim kollettiv li ġie ffirmat fl-2017. Dan wassal biex is-salarji kollha marbutin mal-ogħla skala żdiedu wkoll. Il-ftehim kollettiv ingħata pubbliċità konsiderevoli meta ġie ffirmat u għalhekk ma jistax jingħad li ingħataw żidiet bil-moħbi.

Barra mis-salarju, il-ministri u s-segretarji parlamentari igawdu minn second car allowance ta’ €7,000 fis-sena, iżda din ilha stabbilita sa mill-inqas l-2003 u l-ammont preżenti ta’ €7,000 ilu stabbilit mill-2008. Dan joħroġ minn rapport tal-Awditur Ġenerali li sar fl-2011 u huwa aċċessibbli mill-pubbliku.

Is-salarji tal-ministri u s-segretarji parlamentari ma żdidux bħala persentaġġ tal-iskala in kwistjoni. Anzi fl-2013 il-gvern il-ġdid immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat naqqas l-allowances li kienu jieħdu l-ministri u s-segretarji parlamentari. X’aktarx li min kiteb l-istqarrija tal-gvern tal-17 ta’ Awissu 2019 kellu dan f’moħħu, iżda poġġa l-kliem b’mod li ta x’jifhem li s-salarji tal-ministri u s-segretarji parlamentari baqgħu l-istess anki bħala somma ta’ flus.

Fl-19 ta’ Awwissu 2019 is-Segretarju Permanenti Ewlieni għamel konferenza stampa fejn ta spjegazzjoni dettaljata dwar kif inbidlu s-salarji tal-ministri u s-segretarji parlamentari. Il-fatt li dan sar jumejn biss wara li ħarġet l-istqarrija jindika li l-istqarrija ma nkitbitx bi skop ta’ qerq.

Għaldaqstant il-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li ma kien hemm ebda nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli u prinċipji ta’ etika f’dan il-każ u fl-istess waqt ħeġġeġ lil min għandu responsabbiltà li jagħmel stqarrijiet li jkun aktar attent fil-mod kif jinkitbu biex jiġi evitat dan it-tip ta’ malintiż.

Ir-rapport tal-Kummissarju jista’ jitniżzel minn hawn.