Kummissarji preċedenti

Kummissarji preċedenti

Dr George Hyzler (Kummissarju 2018-2022)

George Hyzler inħatar bħala l-ewwel Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fit-12 ta’ Novembru 2018. Irriżenja minn din il-kariga fit-30 ta’ Settembru 2022 sabiex jassumi dik ta’ membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Dr Hyzler iggradwa b’dottorat fil-liġi mill-Università ta’ Malta fl-1979 u ġab Diploma fl-Integrazzjoni Ewropea mill-Università ta’ Amsterdam fl-1980. Kien sieħeb fundatur tad-ditta GVZH Advocates (oriġinarjament GVTH Advocates). Huwa rtira mid-ditta meta nħatar Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Huwa ipprattika l-professjoni legali tiegħu primarjament fil-liġi ċivili u kummerċjali, l-aktar fil-qasam tal-liġi dwar il-kumpaniji. Serva fuq il-bord tad-diretturi ta’ diversi kumpaniji privati u tal-gvern. Kien president tal-Kamra tal-Avukati, president tal-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta, membru tal-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ, membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, membru tal-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura, president u membru tal-Kumitat tal-Avukati tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, u Kummissarju Għoli Mhux Residenti ta’ Malta għar-Repubblika tal-Afrika t’Isfel.

Kien membru tal-Parlament (1995–2003) u serva bħala segretarju parlamentari fil-Ministeru tas-Servizzi Ekonomiċi (1999–2003).

Meta kien għadu qed jistudja fl-Università ta’ Malta serva bħala president tal-Kunsill Rappreżentattiv tal-Istudenti. Kien ukoll membru student tal-bord tal-Fakultà tal-Liġi u tal-Kunsill tal-Università.

Dott. Hyzler huwa sportiv b’interess qawwi fil-futbol. Bħala żagħżugħ ħa sehem f’diversi dixxiplini f’livell nazzjonali inkluż il-waterpolo, il-basketball, il-volleyball u l-atletika. Kellu records nazzjonali fil-high-jump.

Għandu erbat itfal u huwa miżżewweġ lil Dott. Giannella de Marco.

Tista’ tinteressak il-paġna

Riżorsi