29 May 2019

Kathryn Stone OBE, Kummissarju Parlamentari għall-Istandards fir-Renju Unit, għamlet żjara uffiċjali f’Malta fuq stedina ta’ Dott. George Hyzler, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ta’ Malta. Is-Sinjura Stone kienet akkumpanjata mill-Onor. Kate Green MP, president tal-Kumitat dwar l-Istandards tal-House of Commons tal-Ingilterra. Iż-żjara seħħet fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2019.

Matul iż-żjara tagħhom is-Sinjura Stone u s-sinjura Green kellhom laqgħat ma’ Dott. Hyzler u l-istaff tiegħu, kif ukoll mal-Onor. Anġlu Farrugia MP, Speaker tal-Kamra tad-Deputati, u s-Sur Ray Scicluna, Skrivan tal-Kamra.

Matul iż-żjara tagħhom f’Malta s-Sinjura Stone u s-Sinjura Green attendew ukoll laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Istandards tal-Parlament Malti. Waqt il-laqgħa huma spjegaw kif tiffunzjona s-sistema tal-istandards fil-House of Commons tar-Renju Unit u ddiskutew similaritajiet u u differenzi bejn is-sistema Ingliża u dik Maltija. Saret ukoll proposta biex titwaqqaf xirka internazzjonali ta’ entitajiet fil-qasam tal-istandards sabiex jaqsmu l-esperjenzi bejniethom b’mod aktar sistematiku.

Ritratt: Dott. George Hyzler, l-Onor. Kate Green, l-Onor. Anġlu Farrugia, u s-Sinjura Kathryn Stone.