08 Mar 2019

Kodiċi ta’ etika ġdid beda japplika għall-persuni ta’ fiduċja mill-1 ta’ Marzu 2019 ’il quddiem.

L-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika jobbliga persuni ta’ fiduċja – jiġifieri persuni ingaġġati fis-segretarjat privat ta’ ministru jew segretarju parlamentari bil-għan li jagħtu pariri, jaġixxu ta’ konsulenti, jew jaġixxu fi rwol eżekuttiv – li jsegwu l-kodiċi ta’ etika li jinsab fl-ewwel skeda ta’ liġi oħra, l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.

Qabel l-1 ta’ Marzu 2019, dan kien jirreferi għall-Att tal-2009 dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (il-kapitolu 497 tal-liġijiet ta’ Malta). Iżda fl-1 ta’ Marzu 2019 daħal fis-seħħ Att ġdid dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (il-kapitolu 595). L-Att il-ġdid ħassar l-Att tal-2009 u daħħal kodiċi ta’ etika ġdid.

Il-kodiċi ta’ etika fl-Att oriġinali dwar l-Amministrazzjoni Pubblika kien japplika għall-uffiċjali pubbliċi (kif jissejħu l-impjegati tal-gvern f’termini legali) u għall-impjegati ta’ entitajiet tal-gvern (jiġifieri organizzazzjonijiet li huma tal-gvern iżda mhumiex parti minnu). Persuni ta’ fiduċja ma jaqgħu taħt l-ebda kategorija: għalkemm huma impjegati mill-gvern, ma jitqisux bħala uffiċjali pubbliċi. Il-kodiċi ta’ etika beda japplika għalihom fil-31 ta’ Ottubru 2018 bis-saħħa tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

Mill-1 ta’ Marzu 2019 ’il quddiem, il-kodiċi ta’ etika fl-Att il-ġdid dwar l-Amministrazzjoni Pubblika beda bl-istess mod japplika għall-persuni ta’ fiduċja. Il-kodiċi l-ġdid huwa mibni fuq il-valuri ta’ integrità, rispett lejn ħaddieħor, lealtà, affidabbiltà, kwalità fix-xogħol, kontabilità, non-diskriminazzjoni, u imparzjalità.

Il-kodiċi jaħseb ukoll biex impjegati pubbliċi li bħala parti mix-xogħol tagħhom ikollhom x’jaqsmu ma’ kumpaniji privati ma jkunux jistgħu “jaqilbu għan-naħa l-oħra” billi jassumu impieg ma’ dawk il-kumpaniji. Biss, id-dispożizzjoni relevanti fil-kodiċi għadha trid tidħol fis-seħħ.