14 Apr 2023

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li “sponsored post” fuq Facebook jirrappreżenta ksur ta’ etika għax deher ministru fih.

L-“isponsored post” in kwistjoni deher fil-5 ta’ Ottubru 2022 fil-paġna uffiċjali fuq Facebook tal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol. Il-“post” kien jikkonsisti f’ritratt tal-Ministru Clyde Caruana, flimkien ma’ ismu u l-kariga tiegħu u kwotazzjoni minn diskors tiegħu fejn qal li l-gvern kien se jonfoq €1.1 biljun biex jassorbi ż-żieda fil-prezz tal-enerġija.

Il-Kummissarju għall-Istandards deherlu li “sponsored post” huwa ekwivalenti għal riklam għaliex jinvolvi ħlas sabiex “post” fuq Facebook ikollha ċirkolazzjoni usa’, u riklami tal-gvern ma jmisshomx jinkludu r-ritratti jew l-ismijiet ta’ ministri. Fir-rapport tiegħu dwar dan il-każ, il-Kummissarju qal “Jekk ministru jidher f’riklam maħsub biex jippubbliċizza miżura meħuda mill-gvern, dan jagħti x’jifhem li l-ministru qed jipprova jagħmel gwadann politiku jew personali billi jieħu l-kreditu għat-tali miżura f’għajnejn il-pubbliku.”

Madankollu, il-Kummissarju osserva li l-ammont li ntefaq fuq l-“isponsored post” kien ta’ inqas minn €90. Dan ammont żgħir ħafna meta mqabbel ma’ każi ikkunsidrati mill-Kummissarju ta’ qablu, li kienu jinvolvu riklami li swew €7,000 f’każ wieħed u €16,700 f’każ ieħor.

Għalhekk il-Kummissarju informa lill-Ministru Clyde Caruana li kien lest jagħlaq il-każ taħt l-artikolu 22(5) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika jekk il-Ministru jagħmel apoloġija. Dan l-artikolu jagħti s-setgħa lill-Kummissarju li jagħlaq każ jekk ma jkunx każ serju u l-persuna investigata tirrimedja l-ksur ta’ etika b’mod li l-Kummissarju jqis adegwat.

Il-Ministru wieġeb fil-pront b’ittra fejn huwa formalment talab skuża u ntrabat li jevita każi simili fil-futur. Min jeddu, il-Ministru ħallas l-ispejjeż tar-riklam minn butu u hemeż l-irċevuta mal-ittra tiegħu. Fuq dal-bażi il-Kummissarju għall-Istandards għalaq il-każ.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.