06 Jul 2019
Exterior detail of the Maltese Parliament building

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħareġ rapport li jgħid li l-prattika li deputati parlamentari “backbenchers” jingħataw impiegi jew konsulenzi mal-gvern għandha tispiċċa. Ir-rapport jiddeskrivi din il-prattika bħala “fundamentalment ħażina”.

Il-Kummissarju kkonkluda li din il-prattika ddgħajjef ir-rwol tal-Parlament fl-iskrutinju tal-eżekuttiv; tmur kontra l-prinċipji li l-Kostituzzjoni hija mibnija fuqhom; tmur kontra l-kodiċi ta’ etika ta’ impjegati pubbliċi u membri ta’ bordijiet; iġġib id-deputati parlamentari dipendenti finanzjarjament fuq il-gvern u b’hekk tnaqqas l-indipendenza tagħhom; tiddiskrimina bejn deputati min-naħa tal-gvern u tal-oppożizzjoni u tagħti vantaġġ lid-deputati tal-gvern fuq dawk tal-oppożizzjoni; tippolitiċizza entitajiet statutorji u timmina l-indipendenza tagħhom mill-gvern tal-ġurnata; taggrava l-prattika dubjuża tal-ħatra ta’ persuni ta’ fiduċja, li tista’ tkun kontra l-artikolu 110 tal-Kostituzzjoni; u toħloq karigi bla bżonn, jew inkella timla karigi ġenwinament bżonnjużi b’persuni li mhumiex l-aħjar għal dak ix-xogħol, bi ksur tal-prinċipji tat-trasparenza u l-meritokrazija.

Barra minn dan, jista’ jkun li l-ingaġġ ta’ deputati parlamentari bħala persuni ta’ fiduċja jmur kontra l-artikolu 55(1)(g) tal-Kostituzzjoni, għalkemm hija l-Qorti Kostituzzjonali li tista’ tiddeċiedi dwar dan.

Ir-rapport sar wara ilment mingħand l-Onor. Godfrey Farrugia MP, li talab il-Kummissarju jinvestiga dwar jekk deputati parlamentari li jservu bħala impjegati jew konsulenti tal-gvern ikollhomx konflitt ta’ interess. L-ilment kien jittratta dwar deputati backbenchers, jiġifieri dawk li mhumiex ministri jew segretarji parlamentari. Madankollu, ir-rapport ma jiddiskutix każi ta’ deputati individwali iżda jikkunsidra l-prinċipji ġenerali involuti.

Fl-investigazzjonijiet tiegħu il-Kummissarju sab li d-deputati backbenchers tan-naħa tal-gvern kollha ġew impjegati jew ingaġġati mal-gvern, direttament jew indirettament, filwaqt li xi deputati tal-oppożizzjoni huma impjegati regolari ta’ dipartimenti jew aġenziji tal-gvern.

Fil-biċċa l-kbira tal-każi, id-deputati ġew impjegati jew ingaġġati mal-gvern wara li ġew eletti. Dawn id-deputati għandhom ħatriet bħala “persuni ta’ fiduċja” jew fuq “kuntratti ta’ servizz” f’ministeri, jew bħala chairpersons jew membri tal-bordijiet tad-diretturi ta’ awtoritajiet pubbliċi, jew inkella ġew mogħtija kuntratti bħala konsulenti ma’ ministeri jew awtoritajiet pubbliċi.

Il-Kummissarju osserva li l-ingaġġ mal-gvern huwa meqjus bħala mezz ta’ konsolazzjoni għad-deputati li ma jinħatrux ministri jew segretarji parlamentari, jew bħala kumpens għall-paga baxxa li jitħallsu bħala deputati. Il-Kummissarju qal li l-Parlament għandu jindirizza l-kwistjoni tar-remunerazzjoni baxxa tad-deputati.

Il-Kummissarju ddikjara li bi ħsiebu jerġa’ jikkunsidra l-kwistjonijiet imqajma fir-rapport tiegħu f’waqt xieraq fid-dawl tal-azzjoni li tista’ tittieħed sa dak il-waqt.

Ir-rapport jista’ jitniżżel minn hawn.

Ritratt: Dettall mill-Parlament ta’ Malta.