01 Sep 2020

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qal li persuni ta’ fiduċja m’għandhomx jikkummentaw fuq materji ta’ kontroversja politika u għandhom jittrattaw lil ħaddieħor b’rispett.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment mingħand Matthew Caruana Galizia, id-direttur tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, kontra Dr Joseph Borg. L-ilment kien jittratta dwar kumment li Dr Borg għamel fuq Facebook fejn iddefenda lill-Ministru Michael Farrugia u uża kliem offensiv fil-konfront tal-Professur Arnold Cassola. Meta għamel il-kumment Dr Borg kien persuna ta’ fiduċja fil-Ministeru għall-Intern.

Il-Kummissarju nnota li impjegati regolari tal-gvern f’karigi għolja huma obbligati jżommu n-newtralità politika. Dan l-obbligu jgħodd ukoll għal persuni ta’ fiduċja f’livelli ekwivalenti.

Il-kliem offensiv ta’ Dr Joseph Borg fil-konfront tal-Prof Cassola ma rriflettiex tajjeb fuq l-amministrazzjoni pubblika u fuq il-Ministru Michael Farrugia, b’mod partikolari għax Dr Borg kien qed iservi bħala l-kap tal-Hate Crime and Speech Unit apparti li kien persuna ta’ fiduċja.

Il-Kummissarju għalhekk laqa’ l-ilment. Huwa ltaqa’ ma’ Dr Borg fil-preżenza tal-Ministru Farrugia u ppropona li l-każ għandu jiġi konkluż a bażi ta’ apoloġija mingħand Dr Borg. Il-Kummissarju għalaq il-każ wara li rċieva din l-apoloġija.

Fir-rapport tiegħu dwar il-każ, il-Kummissarju osserva li l-Hate Crime and Speech Unit hija parti mill-makkinarju permanenti tal-gvern u m’għandhiex titqies bħala estensjoni tas-segretarjat tal-ministru. Għalhekk il-kariga ta’ kap tal-Unit ma messhiex ingħatat lil persuna ta’ fiduċja. Dan ma jirriflettix fuq Dr Borg iżda fuq il-prattiċi amministrattivi tal-gvern.

Il-Kummissarju kkunsidra wkoll abbozz ta’ liġi li bħalissa qiegħed quddiem il-Parlament, u li hu maħsub biex jipprovdi bażi legali għall-ħatra ta’ persuni ta’ fiduċja. Il-Kummissarju esprima l-fehma li l-abbozz ma jistax jilħaq dan il-għan mingħajr emendi kostituzzjonali, għax il-Kostituzzjoni ma taħsibx għal ħatriet ta’ fiduċja. Bis-saħħa tal-abbozz ħafna persuni ta’ fiduċja jistgħu ma jibqgħux jaqgħu taħt l-iskrutinju tal-Kummissarju, iżda fl-istess waqt l-abbozz jista’ potenzjalment iwassal għal żieda konsiderevoli fin-numru ta’ persuni ta’ fiduċja ngaġġati mal-gvern. Dan ikun ta’ dannu għall-istandards fl-amministrazzjoni pubblika ta’ Malta.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.