24 Jan 2019

Il-Kumitat Permanenti tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika iltaqa’ għall-ewwel darba fit-22 ta’ Jannar 2019. Dott. George Hyzler, Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, kien preżenti għal-laqgħa flimkien ma’ Charles Polidano, Direttur Ġenerali fl-uffiċċju tiegħu.

Hu u jiftaħ il-laqgħa l-Onor. Anġlu Farrugia, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati u l-president tal-Kumitat, osserva li l-Kumitat għall-Istandards kien l-uniku kumitat parlamentari fejn iż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati kellhom rappreżentanza ndaqs. Il-gvern kellu maġġoranza f’kumitati oħra, li kienet tirrifletti l-kompożizzjoni tal-Kamra kollha kemm hi.

Il-Kummissarju għall-Istandards informa lill-Kumitat li l-uffiċċju tiegħu kien ġie mwaqqaf u mgħammar, u l-impjegati essenzjali kienu bdew xogħol. Pjan finanzjarju kien ġie approvat ukoll. L-uffiċċju kien fir-raba’ sular tal-bini użat mill-Uffiċċju tal-Ombudsman. Dan kien jippermetti sinerġiji bejn iż-żewġ uffiċċji, ġaladarba t-tnejn kellhom rwol investigattiv (għalkemm f’affarijiet differenti) u kienu jirrapportaw lill-Parlament.

Il-Kummissarju informa l-Kumitat li huwa kien irċieva tliet ilmenti u kien qed jinvestigahom. Kien irċieva ilment ieħor, iżda dan ma kienx ammessibbli billi kien jikkonċerna persuna li ma kenitx taqa’ taħt l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

Il-Kummissarju informa l-Kumitat ukoll dwar żjara li kien għamel fl-Ingilterra biex isir jaf kif kien jopera l-uffiċċju ekwivalenti għal tiegħu fil-House of Commons tar-Renju Unit. Huwa kien stieden lil Kathryn Stone, il-Kummissarju Parlamentari għall-Istandards fir-Renju Unit, biex tiġi Malta u tindirizza d-deputati parlamentari lokali. Kien maħsub li din iż-żjara ssir fl-aħħar ta’ Mejju, sakemm jaqbel l-Ispeaker.

Il-Kumitat iddiskuta l-proċedura li kellha tiġi segwita wara li l-Kummissarju jikkonkludi l-investigazzjonijiet tiegħu f’kull każ, speċjalment fejn il-Kummissarju jsib li m’hemmx bażi biex jittieħdu passi.

Ritratt: Il-Kumitat għall-Istandards.