03 Dec 2019
Facebook login screen on a smartphone

Dr George Hyzler, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, ikkonkluda li huwa abbuż jekk ministru juża riżorsi pubbliċi biex jamministra l-paġna personali tiegħu fuq Facebook jew jipproduċi materjal biex itellgħu fil-paġna. Ikun abbuż sew jekk jintużaw fondi pubbliċi għal dawn l-għanijiet u sew jekk impjegati tal-gvern jitqabbdu jagħmlu dan ix-xogħol.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment ta’ Dr Karol Aquilina MP kontra Dr Konrad Mizzi MP, li kien Ministru għat-Turiżmu meta sar l-ilment. L-ilment kien jittratta dwar kontenut ta’ natura partiġġjana f’paġna fuq Facebook li kienet tidher qisha paġna uffiċjali amministrata mill-Ministeru għat-Turiżmu.

Il-Kummissarju sab li l-paġna in kwistjoni ma kenitx paġna uffiċjali iżda kienet il-paġna personali tal-Ministru Mizzi, minkejja li l-paġna kien fiha l-kliem “This page is maintained by the Ministry for Tourism” u minkejja li l-Ministru Mizzi stess iddeskriviha bi żball bħala paġna uffiċjali f’risposta li huwa ta għal mistoqsija parlamentari. Dan l-iżball kien xhieda ta’ nuqqas ta’ distinzjoni bejn ir-rwol pubbliku tal-Ministru u dak privat tiegħu bħala politiku.

Ġaladarba l-paġna kienet il-paġna personali tal-Ministru, hu kellu kull dritt jinkludi fiha kontenut partiġġjan. Madankollu, kienet ukoll il-prattika li impjegati tal-ministeru jtellgħu aġġornamenti fil-paġna dwar ix-xogħol uffiċjali tal-Ministru. Dan kien għall-benefiċċju personali tal-Ministru billi effettivament dan il-kontenut kien qed jintuża biex isaħħaħ il-profil politiku tiegħu.

Il-Kummissarju għalhekk ikkonkluda li ministru m’għandux juża riżorsi pubbliċi biex jamministra l-paġna personali tiegħu fuq Facebook jew jipproduċi kontenut għaliha, anki jekk dan il-kontenut ikun marbut mad-dmirijiet uffiċjali tal-ministru. Għandha tinżamm distinzjoni ċara bejn mezzi ta’ komunikazzjoni personali ta’ ministru u dawk uffiċjali ta’ ministeru jew dipartiment tal-gvern, u riżorsi pubbliċi għandhom jintużaw biss fl-amministrazzjoni ta’ mezzi uffiċjali.

Għalhekk il-Kummissarju laqa’ dan l-ilment iżda ma rrakkomanda ebda miżuri ulterjuri ġaladarba l-Ministru Mizzi rriżenja, għal raġunijiet mhux relatati, fis-26 ta’ Novembru 2019.

Il-Kummissarju qal ukoll li qed iħejji rapport ieħor li se jħares lejn kwistjonijiet usa’ u jelenka l-prinċipji li għandhom jiġu segwiti fl-użu ta’ midja soċjali minn ministru u segretarji parlamentari.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.