27 Sep 2022

L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (l-OECD) ħarġet rapport li jirrakkomanda bidliet estensivi fil-kodiċijiet ta’ etika tal-ministri, is-segretarji parlamentari u l-membri tal-Parlament ta’ Malta.

Il-kodiċijiet kurrenti jinsabu fi skedi fl-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Il-kodiċi ta’ etika tad-deputati parlamentari jinsab fl-ewwel skeda u l-kodiċi tal-ministri u s-segretarji parlamentari jinsab fit-tieni skeda.

Fir-rapport tagħha l-OECD tirrakkomanda li kull wieħed minn dawn iż-żewġ kodiċijiet għandu jiġi sostitwit b’wieħed ġdid. Fost affarijiet oħra, il-kodiċijiet il-ġodda għandhom jobbligaw lill-ministri u d-deputati li jgħidu l-verità u jkunu trasparenti, filwaqt li ma jagħmlux gwadann personali minn informazzjoni li jkunu akkwistaw fil-kors tad-dmirijiet pubbliċi tagħhom. Il-kodiċijiet il-ġodda għandhom ukoll jobbligaw lill-ministri u d-deputati li jagħmlu dikjarazzjonijiet ta’ kull sena dwar l-assi u l-interessi tagħhom b’aktar dettall, u li jirreġistraw rigali ta’ aktar minn ċertu valur li jingħataw lilhom jew lill-membri tal-familja tagħhom.

Il-kodiċi ta’ etika l-ġdid għad-deputati għandu jindika b’mod ċar liema attivitajiet mhumiex kompatibbli mal-irwol ta’ deputat. Per eżempju, deputat la għandu jitħalla jaġixxi bħala lobbyist, la jaħdem f’dipartiment, bord jew kummissjoni tal-gvern, u la jżomm interess f’xi korporazzjoni li jkollha kuntratt mal-gvern.

Il-kodiċi l-ġdid għall-ministri għandu jżomm ir-regola kurrenti li ministru ma jistax jagħmel xogħol privat, filwaqt li ministru li jispiċċa mill-kariga għandu jkun obbligat li josserva perjodu ta’ dewmien qabel jassumi kariga ma’ xi entità li jkun ittratta magħha meta kien ministru.

Ir-rapport ġie ppreżentat waqt konferenza stampa li saret fis-27 ta’ Settembru 2022. Waqt dan l-avveniment tkellmu Dr George Hyzler, Kummissarju għall-Istandards; Julio Bacio Terracino, Kap tad-Diviżjoni dwar l-Integrità Pubblika tal-OECD; Daniele Dotto, Deputat Direttur fid-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tar-Riformi Strutturali fil-Kummissjoni Ewropea; u Carissa Munro, Policy Analyst mal-OECD.

Qabel il-konferenza stampa, il-Kummissarju għall-Istandards kiteb lill-Prim Ministru biex jgħaddilu kopja tar-rapport tal-OECD u biex formalment jirrakkomanda, skont l-artikolu 13(1)(g) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, li l-kodiċijiet ta’ etika tal-ministri u d-deputati jiġu riveduti kif propost fir-rapport.

Ir-rapport tal-OECD jinsab fis-sit tagħha u jista’ jitniżżel minn https://www.oecd.org/officialdocuments/publicdisplaydocumentpdf/?cote=GOV/PGC/INT(2022)12/FINAL&docLanguage=en.

Ritratt: Carissa Munro, Julio Bacio Terracino u Daniele Dotto waqt il-konferenza stampa.