14 Oct 2020

Il-Kumitat Permanenti tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika illum awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ rapport dwar l-ingaġġ tal-Onor Dr Konrad Mizzi bħala konsulent. Ir-rapport ġie sottomess lill-Kumitat mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fil-5 ta’ Ottubru 2020.

Il-każ jittratta dwar l-ingaġġ ta’ Dr Konrad Mizzi bħala konsulent mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (l-MTA) fid-9 ta’ Diċembru 2019, ġimgħatejn wara li rreżenja minn Ministru għat-Turiżmu. Il-kuntratt ta’ konsulenza kien jaħseb biex Dr Mizzi jingħata ħlas ta’ €80,400 fis-sena u benefiċċji oħra.

L-eżistenza tal-kuntratt ġiet żvelata mill-midja fis-27 ta’ Jannar 2020 u l-Perit Carmel Cacopardo issottometta ilment dwaru mal-Kummissarju. L-iżvelar tal-kuntratt wassal ukoll biex il-kuntratt jiġi tterminat mill-gvern.

Fl-investigazzjoni tiegħu dwar dan il-każ il-Kummissarju għall-Istandards sab li Dr Mizzi ngħata l-kuntratt fuq istruzzjoni tal-Onor Dr Joseph Muscat, li kien Prim Ministru u kien ukoll qed jaġixxi bħala ministru risponsabbli għat-turiżmu. Dr Muscat ta l-istruzzjoni tiegħu mhux liċ-chairman tal-MTA iżda lill-kap eżekuttiv.

Dr Muscat iġġustifika l-istruzzjoni tiegħu b’riferenza għall-artikolu 6(1) tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika. Bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, ministru jista’ jagħti istruzzjonijiet lill-entitajiet li jaqgħu taħtu dwar kull ħaġa inkluż l-operat. Il-ministru jista’ jagħti istruzzjonijiet mhux biss liċ-chairperson tal-bord tat-tmexxija jew lill-kap eżekuttiv tal-entità, iżda anki lill-impjegati ta’ taħt il-kap.

Madankollu, il-Kummissarju għall-Istandards sab li dan l-artikolu ma japplikax għall-MTA għax il-liġi li tirregola l-MTA tagħti setgħat ħafna aktar limitati lill-ministru. Din il-liġi tagħti s-setgħa lill-ministru li jagħti istruzzjonijiet biss dwar il-policies u l-pjanijiet tal-gvern, u tobbligah jippubblika l-istruzzjonijiet tiegħu. L-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika stess jgħid li fejn ma jaqbilx ma’ xi liġi oħra li tirregola entità tal-gvern, tirbaħ il-liġi l-oħra. Għal dawn ir-raġunijiet il-Kummissarju ikkonkluda li Dr Muscat eċċeda s-setgħat tiegħu.

Għaldaqstant il-Kummissarju sab li l-istruzzjoni ta’ Dr Joseph Muscat biex Dr Konrad Mizzi jiġi ngaġġat bħala konsulent mal-MTA kienet prima facie tmur oltre minn dak li tippermetti l-liġi u kienet ukoll kontra l-etika.

Fir-rapport tiegħu il-Kummissarju qal ukoll li hija prattika ħażina li ministru jaqbeż il-bord tat-tmexxija ta’ entità pubblika, anki fejn japplika l-artikolu 6(1) tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika. Il-ministru għandu jibqa’ distakkat minn deċiżjonijiet dwar l-operat, b’mod partikolari deċiżjonijiet dwar l-impieg ta’ ħaddiema u l-għoti ta’ kuntratti, għax dawn għandhom jittieħdu skont il-mertu mhux bħala favuri politiċi. Il-Kummissarju għalhekk irrakkomanda li l-artikolu 6(1) tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika jiġi rivedut fid-dawl tal-importanza li qed tingħata lill-governanza tajba.

Fejn il-Kummissarju jsib li aġir prima facie jmur kontra l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, id-deċiżjoni finali dwar il-każ għandha tittieħed miIl-Kumitat tal-Parlament dwar l-Istandards. Għalhekk il-Kummissarju rrefera r-rapport tiegħu lill-Kumitat.

Il-Kummissarju rrakkomanda li l-Kumitat jirrilaxxa r-rapport fl-iqsar żmien prattikabbli fl-interess tat-trasparenza, iżda kien biss fil-laqgħa tal-lum li l-Kumitat iddeċieda li jippubblika r-rapport. Il-Kumitat għażel li jisma’ lill-Kummissarju u jiddiskuti r-rapport fil-magħluq mingħajr ma l-pubbliku seta’ jsegwi d-diskussjoni. Il-Kumitat ippospona d-deċiżjoni dwar jekk jaqbilx mar-rapport jew le.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.