17 Jul 2020
Passengers disembarking from a flight from Dubai to Malta in December 2019.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li l-Onor Dr Joseph Muscat ma kisirx il-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri meta siefer fuq żjara privata sad-Dubai mal-familja tiegħu f’Diċembru tal-2019.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilmenti mingħand is-Sur Timothy Alden u l-Onor Dr Adrian Delia. L-ilmenti kienu jittrattaw dwar l-ispejjeż tal-vjaġġ, u jekk dawn l-ispejjeż ġewx imħallsa minn Dr Muscat innifsu jew minn terzi.

Il-Kummissarju stabbilixxa li l-ispejjeż tal-vjaġġ ma tħallsux minn Dr Muscat iżda minn terzi. It-titjiriet swew madwar €21,000.

Dr Muscat ta spjegazzjoni dettaljata lill-Kummissarju għall-Istandards dwar l-għan tal-vjaġġ u min ħallas għalih. Il-Kummissarju ma sab ebda evidenza li kienet tikkontradixxi din l-ispjegazzjoni. Dr Muscat talab li d-dettalji li huwa ta lill-Kummissarju ma jitqegħdux fid-dominju pubbliku. Billi kien jidher li l-vjaġġ kien ta’ natura privata, ma kienx relatat ma’ xogħol uffiċjali tal-gvern, u ma kienx jinvolvi ksur ta’ etika, il-Kummissarju aċċetta t-talba ta’ Dr Muscat li ma jippubblikax dettalji dwar l-għan tal-vjaġġ.

Il-Kummissarju kkonkluda li min ospita l-vjaġġ ma setax kellu l-ħsieb li jinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ Dr Muscat bħala Prim Ministru, billi huwa diġà kien ħabbar ir-riżenja tiegħu u kien fadallu biss ġimagħtejn fil-kariga. Dr Muscat irriżenja minn Prim Ministru fit-13 ta’ Jannar 2020. Għaldaqstant ma nkisirx il-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri.

Barra minn dan, min ospita l-vjaġġ ma kellu ebda interess f’leġiżlazzjoni quddiem il-Parlament u ebda interess kummerċjali f’Malta, u għaldaqstant il-vjaġġ ma kisirx il-Kodiċi ta’ Etika tad-Deputati.

Għalhekk il-Kummissarju ma laqax l-ilmenti.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.