22 Nov 2019
The facade of the Auberge de Castille in Valletta, which houses the Prime Minister's office

Dr George Hyzler, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, ikkonkluda li l-Prim Ministru ma kisirx l-etika meta qabbad ditta legali Ingliża biex tibgħat ittra legali f’isem il-gvern.

Il-każ huwa marbut mal-pubblikazzjoni ta’ ktieb intitolat Murder on the Malta Express, dwar iċ-ċirkostanzi marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Qabel ma ġie ppubblikat il-ktieb, wieħed mill-awturi, Manuel Delia, bagħat ittri f’ismu u għan-nom ta’ tim ta’ ġurnalisti internazzjonali, b’numru ta’ domandi lill-Prim Ministru, lill-mara tiegħu, lill-Ministri Konrad Mizzi u Chris Cardona, u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Il-gvern qabbad id-ditta legali Ingliża Carter-Ruck biex twieġeb dawn l-ittri għan-nom tal-gvern.

Dan wassal lill-Avukat Andrew Borg Cardona biex jibgħat ilment lill-Kummissarju għall-Istandards. L-Avukat Borg Cardona allega li l-ingaġġ tad-ditta Carter-Ruck kien jirrappreżenta użu ħażin ta’ fondi pubbliċi billi kien intiż li jirrispondi għal nuqqasijiet ta’ individwi fosthom il-mara tal-Prim Ministru, li mhix parti mill-gvern, u kien maħsub biex ibeżża’ l-awturi tal-ktieb bil-possibbiltà li jiffaċċjaw proċeduri legali f’Londra, fejn l-ispejjeż ikunu għoljin ħafna.

Fir-rapport tiegħu dwar dan il-każ, il-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jqabbad ditta legali barranija għan-nom tal-gvern kienet taqa’ fid-diskrezzjoni leġittima tiegħu għax il-gvern kellu interess ġenwin fil-każ stante li l-allegazzjonijiet li saru fl-ittri kellhom impatt negattiv dirett fuq ir-reputazzjoni tal-gvern u tal-pajjiż.

Il-Kummissarju kkonkluda wkoll li filwaqt li huwa minnu li l-ittra legali mibgħuta minn Carter-Ruck għan-nom tal-gvern inkludiet dikjarazzjoni ta’ riżerva tad-drittijiet tal-individwi konċernati, dan ma jammontax għal użu ħażin ta’ riżorsi pubbliċi f’livell ta’ sempliċi ittra legali. Inoltre, id-diċitura ma kenitx tali li setgħet titqies li tbeżża’ lill-awturi tal-ktieb u b’hekk toħonqilhom id-dritt ta’ espressjoni ħielsa.

Il-Kummissarju qal iżda li jekk l-individwi li kitbilhom is-Sur Delia kellhom jaslu biex jiftħu kawża bil-għan li jirbħu danni għall-benefiċċju tagħhom stess, għandhom iħallsu l-ispejjeż huma. Il-gvern taħt l-ebda ċirkostanza m’għandu jħallas jew jidher li qed iħallas l-ispejjeż ta’ kawża għall-benefiċċju ta’ xi individwu.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.