07 May 2020

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab li diversi ministri qed jużaw riżorsi pubbliċi biex jiġġeneraw materjal għall-paġni personali tagħhom fuq Facebook u midja soċjali oħra. Il-Kummissarju kkonkluda li dan huwa abbuż għax il-ministri konċernati qed jużaw riżorsi pubbliċi biex jgħollu l-profil personali u politiku tagħhom.

Il-Kummissarju qal li materjal iġġenerat bl-użu ta’ riżorsi pubbliċi għandu jittella’ f’siti uffiċjali. Wara li jiġi ppubblikat b’dal-mod, il-materjal jista’ jiġi mxandar (shared) mill-paġna personali ta’ ministru. Biss, m’għandhomx jintużaw riżorsi pubbliċi fil-produzzjoni ta’ materjal li se jittella’ direttament fil-paġna personali ta’ ministru.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal dawn il-konklużjonijiet wara li kkunsidra ilment mingħand is-Sur Christian Peregin, kap eżekuttiv tas-sit Lovin Malta, dwar l-użu tal-midja soċjali mill-ministri.

Il-Kummissarju investiga l-ilment billi ħa kampjun ta’ materjal li ttella’ fil-paġni personali ta’ ħames ministri differenti fuq Facebook. Il-Kummissarju sab li minn dawn il-ħames eżempji, wieħed biss kien jirrappreżenta prattika tajba u l-erba’ l-oħra kienu jinvolvu l-użu hażin ta’ riżorsi pubbliċi.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jinkludi linji gwida dwar kif għandha tintuża l-midja soċjali bil-għan li jiġi evitat abbuż ta’ riżorsi pubbliċi. Fir-rapport, il-Kummissarju jħabbar li dawn il-linji gwida diġà ġew diskussi mal-gvern, u l-gvern aċċetta li l-ministri għandhom jimxu magħhom.

Il-Kummissarju jgħid: “Fil-fehma tiegħi dan żvilupp pożittiv ħafna li jindika li l-prattiċi deskritti minn dan ir-rapport dalwaqt se jsiru ħaġa tal-passat. Nosserva b’sodisfazzjon li, bil-kooperazzjoni attiva tal-gvern, l-għan ewlieni tal-uffiċċju tiegħi, li jitjiebu l-istandards fil-ħajja pubblika, intlaħaq in konnessjoni mal-materji indirizzati f’dan ir-rapport.”

Għalhekk il-Kummissarju għalaq il-każ, iżda qal li jibbaża ruħu fuq il-linji gwida jekk jinqalgħu każi oħra li jinvolvu l-użu ta’ kontijiet personali fil-midja soċjali. Ir-rapport tal-Kummissarju jista’ jitniżżel minn hawn.

Dan huwa t-tieni każ dwar l-użu ta’ midja soċjali li ġie deċiż mill-Kummissarju għall-Istandards. L-ewwel każ kien jinvolvi l-Ministru Konrad Mizzi u ġie deċiż f’Diċembru tal-2019. F’dak il-każ il-Kummissarju kien ikkonkluda li ministru m’għandux juża riżorsi pubbliċi biex jamministra l-paġna personali tiegħu fuq Facebook jew jipproduċi kontenut għaliha, anki jekk dak il-kontenut ikun marbut mad-dmirijiet uffiċjali tal-ministru. Għandha tinżamm distinzjoni ċara bejn il-mezzi ta’ komunikazzjoni personali tal-ministru u dawk uffiċjali tal-ministeru, u riżorsi pubbliċi għandhom jintużaw biss fl-amministrazzjoni tal-mezzi uffiċjali.