10 Aug 2019
The website of the Department of Information

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħareġ rapport li jgħid li ministri u d-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) m’għandhomx joħorġu stqarrijiet għall-istampa li mhumiex marbuta ma’ materji uffiċjali jew li huma miktubin b’ton partiġġjan.

Ir-rapport tal-Kummissarju jittratta dwar stqarrija għall-istampa maħruġa mill-Ministeru għat-Turiżmu permezz tad-DOI fis-6 ta’ Frar 2019. L-istqarrija qalet li l-Ministru Konrad Mizzi kien qiegħed jirtira numru ta’ kawżi ta’ libell li huwa kien fetaħ biex jikkontesta allegazzjonijiet kontra tiegħu dwar ħasil ta’ flus, billi dawn l-allegazzjonijiet kienu diġà ġew iddikjarati bla bażi mill-qrati.

Il-Kummissarju għall-Istandards ikkunsidra dan il-każ wara li rċieva ilment dwar l-istqarrija mingħand l-avukat Andrew Borg Cardona.

Fir-rapport tiegħu, il-Kummissarju jasal għall-konklużjoni li l-istqarrija għall-istampa tittratta dwar kwistjoni politika li toħroġ mill-interessi personali tal-Ministru Mizzi, u li mhijiex marbuta mad-dmirijiet uffiċjali tiegħu. Il-Ministru Mizzi fetaħ il-kawżi ta’ libell f’ismu, u kieku ma rtirahomx u nqatgħu favur tiegħu kien jirbaħ id-danni hu personalment.

Barra minn dan, l-istqarrija hija miktuba b’ton partiġġjan. Fost affarijiet oħra l-istqarrija takkuża membri tal-oppożizzjoni li nisġu xibka ta’ qerq (“web of deceit”) u tefgħu it-tajn (“mud-slinging”). Il-Kummissarju hu tal-fehma li lingwaġġ bħal dan mhux xieraq biex jintuża fi stqarrijiet uffiċjali maħruġa mid-DOI.

Il-Kummissarju tal-fehma wkoll li l-prattika li stqarrijiet bħal din jintbagħtu lid-Dipartiment tal-Informazzjoni, sew jekk l-istqarrija tkun dwar materja li tinteressa lill-pubbliku (b’kuntrast ma’ materja fl-interess pubbliku) u sew jekk ma tkunx, u sew jekk din il-prattika hija stabbilita fis-sistema politika Maltija u sew jekk le, mhix prattika tajba u għandha tieqaf. L-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika jipprovdilna l-opportunità biex nibdlu drawwiet stabbiliti fis-sistema politika Maltija jekk dawn id-drawwiet ma jilħqux l-istandards li bħala pajjiż naspiraw li nadottaw. Il-Kummissarju jgħid li d-DOI għandu “jibża’ għall-imparzjalità politika tiegħu”, u li għandha tiġi adottata policy dwar it-tqassim ta’ stqarrijiet minn ministeri jew possibbilment policy usa’ dwar l-irwol tad-DOI fid-dinja tal-media.

Fl-istess waqt il-Kummissarju jirrikonoxxi li fl-assenza ta’ policy bħal din il-Ministru Mizzi seta’ ġie żvijat. Il-Kummissarju jikkonkludi li, fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, ir-rimedju xieraq hu li l-Ministru jagħti struzzjonijiet lill-uffiċjali tiegħu biex ikunu aktar sensittivi lejn id-distinzjoni bejn materji uffiċjali u materji privati jew partiġġjani, u biex fil-futur ma jużawx id-DOI in konnessjoni ma’ materji privati jew partiġġjani.

Fir-rapport tiegħu il-Kummissarju jgħid li l-Ministru Mizzi aċċetta li għandu jieħu din l-azzjoni, u għalhekk il-każ qiegħed jingħalaq.

Ir-rapport jista’ jitniżżel minn hawn.