19 Dec 2019

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler, irreaġixxa għal stqarrija maħruġa minn Alternattiva Demokratika wara laqgħa dwar il-lobbying li saret illum fuq talba ta’ Alternattiva Demokratika.

F’din il-laqgħa l-Kummissarju għarraf id-delegazzjoni minn Alternattiva Demokratika li l-uffiċċju tiegħu kien qed jiffinalizza proposti biex jiġi regolat il-lobbying. Waqt il-laqgħa ġew diskussi diversi aspetti relatati. Il-Kummissarju qal ukoll li l-uffiċċju tiegħu kien qed jiffinalizza proposti dwar reviżjoni tal-kodiċi ta’ etika għall-ministri u dak għad-deputati parlamentari.

Proposti dwar dawn is-suġġetti kollha se jinħarġu sal-aħħar ta’ Jannar 2020 sabiex issir konsultazzjoni pubblika dwarhom.

Din l-istqarrija qed issir biex tikkoreġi l-impressjoni mogħtija mill-istqarrija ta’ Alternattiva Demokratika, fejn intqal li “Sal-lum ma hemm l-ebda indikazzjoni li qed tittieħed xi inizjattiva biex il-lobbying ikun regolat.”

Fil-fatt, ix-xogħol tal-Kummissarju f’dan il-qasam diġà ġie rrapportat fil-media.