02 Aug 2021

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħareġ linji gwida biex jirregola l-użu ta’ riklami u materjal promozzjonali mill-gvern u entitajiet pubbliċi.

Dawn il-linji gwida ma jirrappreżentawx regoli ġodda fihom infushom. Huma jindikaw kif il-Kummissarju se japplika r-regoli eżistenti fil-kodiċi ta’ etika tal-ministri f’każi li jinvolvu riklami jew materjal promozzjonali imħallsa minn fondi pubbliċi.

Il-linji gwida jirrikonoxxu li l-gvern għandu dover li jikkomunika mal-pubbliku, u għandu diskrezzjoni wiesa’ biex jiddeċiedi meta għandu jikkomunika permezz ta’ riklami u materjal promozzjonali għal skopijiet leġittimi. Biss, il-ministri m’għandhomx jonfqu fondi pubbliċi fuq pubbliċità personali jew politika. Il-linji gwida huma maħsuba biex jiżguraw li dan ma jsirx.

Il-linji gwida ikopru mhux biss riklami iżda anki, fost affarijiet oħra, artikli li jiġu ppubblikati bi ħlas, fuljetti, kartolini, oġġetti li jitqassmu bħala rigali, u materjal awdjoviżiv li jixxandar fuq it-televiżjoni jew il-midja soċjali – dejjem jekk dawn jiġu mħallsa b’fondi pubbliċi.

Il-linji gwida jgħidu fost affarijiet oħra li:

  • Riklam jew materjal promozzjonali tal-gvern jew ta’ entità pubblika m’għandux jinkludi kontenut ta’ natura partiġġjana.
  • Riklam jew materjal promozzjonali tal-gvern jew ta’ entità pubblika għandu jkun fattwalment korrett f’dak li jgħid.
  • Riklam tal-gvern jew ta’ entità pubblika m’għandux jinkludi isem jew ritratt ta’ ministru. Dan japplika wkoll għal “advertorial”.
  • Fuljett jew dokument ieħor (basta mhux riklam jew advertorial) maħruġ mill-gvern jew entità pubblika jista’ jinkludi kontenut li jirreferi għal ministru, basta dan il-kontenut ikun strettament limitat u jikkontribwixxi għall-għanijiet leġittimi tad-dokument.
  • Pubblikazzjoni li tkun sponsorjata mill-gvern għandha tindika dal-fatt għall-finijiet ta’ trasparenza.
  • Ministru għandu jidderieġi fondi pubbliċi lejn il-midja għall-finijiet ta’ riklamar skont kriterji ġusti u oġġettivi.

Il-linji gwida jispeċifikaw li ma jkoprux kull sitwazzjoni li tista’ tinqala’, u kwistjonijiet fejn ma japplikawx il-linji gwida se jkomplu jiġu regolati mill-kodiċi ta’ etika tal-ministri.

Il-Kummissarju ħareġ dawn il-linji gwida fit-22 ta’ Ġunju 2021 bħala abbozz biex jikkonsulta dwarhom. Huwa ta xahar żmien biex il-partiti politiċi, il-gvern u l-pubbliku in ġenerali jagħtu l-veduti tagħhom dwar l-abbozz qabel ma l-Kummissarju jdaħħal il-linji gwida fis-seħħ u jibda japplikahom. Biss, il-partiti u l-gvern ma bagħtu ebda reazzjoni lill-Kummissarju.

Il-linji gwida ġew emendati fid-dawl ta’ xi reazzjonijiet li rċieva l-Kummissarju. B’mod partikolari, il-linji gwida issa jirreferu mhux biss għall-ministri imma anki għall-persuni ta’ fiduċja, billi dawn ukoll jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kummissarju. Persuni ta’ fiduċja jaġixxu f’isem il-ministri u jistgħu għalhekk jieħdu deċiżjonijiet dwar il-produzzjoni ta’ riklami u materjal promozzjonali tal-gvern. Jekk il-Kummissarju jintalab jinvestiga każ dwar dan, huwa jinterpreta r-regoli tal-etika li huma marbutin bihom il-persuni ta’ fiduċja fid-dawl tal-linji gwida.

Il-linji gwida jistgħu jitniżżlu minn hawn.