26 May 2020
Exterior view of the Parliament of Malta

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għadu kemm ħareġ l-ewwel rapport annwali tiegħu. Huwa ppreżenta r-rapport lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, li min-naħa tiegħu qiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra ilbieraħ.

Ir-rapport jispjega l-irwol tal-Kummissarju skont l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika u l-proċeduri li qed iħaddem huwa u jikkunsidra ilmenti dwar membri tal-Parlament u persuni ta’ fiduċja.

Ir-rapport jgħid li sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2019 il-Kummissarju rċieva 29 ilment. Minn dawn, sebgħa ma setgħux jiġu investigati għal diversi raġunijiet, fost oħrajn għaliex il-Kummissarju ma jistax jikkunsidra ilmenti anonimi.

Il-Kummissarju ikkonkluda 11-il investigazzjoni sal-aħħar tal-2019. Il-Kummissarju sab li tliet ilmenti kienu ġustifikati filwaqt li sitta ma kinux. Wieħed minn dawn is-sitt każi xorta wassal għall-bidla ta’ prattika dubbjuża li kienet ġiet adottata minn ministru partikolari, minkejja li l-ilment ma setax jiġi milqugħ.

F’każ ieħor, l-investigazzjoni tal-Kummissarju kienet inkonklussiva, filwaqt li fl-aħħar każ mill-ħdax li ġew konklużi, il-Kummissarju iffoka l-investigazzjoni tiegħu dwar prattika ġenerali mhux dwar imġiba ħażina min-naħa ta’ individwu partikolari. Dan il-każ kien jittratta dwar deputati parlamentari li jingħataw karigi mal-gvern. Ir-rapport jagħti dettalji dwar diversi każi, fosthom dan.

Ir-rapport annwali jagħti rendikont ta’ xogħol ieħor li wettaq il-Kummissarju għall-Istandards sal-aħħar tal-2019. Fost affarijiet oħra, il-Kummissarju beda reviżjoni tal-kodiċi ta’ etika li japplikaw għall-ministri u d-deputati parlamentari. Ħareġ nota ta’ informazzjoni li tispjega min huma l-persuni ta’ fiduċja skont it-tifsira fl-Att, kif ukoll rapport bi proposti dettaljati dwar riforma kostituzzjonali. Dawn id-dokumenti jinsabu fil-website uffiċjali tal-Kummissarju.

Ir-rapport annwali jista’ jitniżżel minn hawn.

Ritratt: dehra minn barra tal-Parlament Malti.