24 May 2021

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħareġ rapport annwali li jkopri t-tieni sena sħiħa tal-operat tiegħu. Hu ppreżenta l-verżjoni finali tar-rapport lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, li qiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra llum.

Ir-rapport jispjega l-irwol tal-Kummissarju għall-Istandards skont l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika u l-proċeduri li qed iħaddem huwa u jikkunsidra ilmenti dwar deputati parlamentari u persuni ta’ fiduċja.

Ir-rapport jgħid li l-Kummissarju rċieva 41 ilment matul l-2020. Il-Kummissarju għalaq 36 ilment, li minnhom sab 23 ineliġibbli biex jiġu investigati skont l-Att filwaqt li huwa investiga u kkonkluda 12-il ilment ieħor. L-ilment li baqa’ ġie rtirat minn min għamlu. Il-Kummissarju kellu 11-il ilment pendenti fil-bidu tal-2020 u għalaq is-sena b’16-il ilment pendenti.

Ir-rapport jagħti dettalji ta’ diversi każi kkunsidrati mill-Kummissarju, inkluż każi relatati ma’ rabtiet bejn ministri u intrapriżi privati, u każi li jirrigwardaw l-irwol ta’ persuni ta’ fiduċja.

Ir-rapport ikopri attivitajiet oħra li twettqu mill-Kummissarju għall-Istandards matul l-2020, inkluż l-eżami tad-dikjarazzjonijiet annwali li jagħmlu d-deputati parlamentari u l-ministri dwar l-assi tagħhom; il-pubblikazzjoni ta’ proposti biex jiġi regolat il-lobbying; u l-pubblikazzjoni ta’ kodiċijiet ta’ etika riveduti għad-deputati u l-ministri. Il-Kummissarju għamel rakkomandazzjoni formali lill-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards biex jiġu adottati dawn il-kodiċijiet riveduti.

Ir-rapport annwali jiddiskuti wkoll il-prattika adottata mill-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards huwa u jikkunsidra r-rapporti tal-Kummissarju dwar investigazzjonijiet. Ir-rapport annwali jieħu nota ta’ deċiżjonijiet tal-Ispeaker li huma relatati ma’ din il-materja. Din it-taqsima tar-rapport annwali tkopri l-iżviluppi li seħħew sa meta ġie ppubblikat.

Ir-rapport annwali huwa aċċessibbli minn hawn.