07 Nov 2019
Verdala Palace, Buskett, Malta

Dr George Hyzler, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, qed jipproponi tibdil fil-Kostituzzjoni sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Parlament u tal-qrati, u sabiex jiġi mħares aħjar il-prinċipju tal-mertu fil-ħatriet fl-amministrazzjoni pubblika.

Il-proposti tal-Kummissarju huma miġbura f’rapport ta’ 138 paġna li huwa ppreżenta lill-President ta’ Malta bħala risposta għas-sejħa tal-President għal sottomissjonijiet dwar riformi kostituzzjonali. Ir-rapport inkiteb minn Dr Hyzler flimkien mad-Direttur Ġenerali fl-uffiċċju tiegħu, Charles Polidano.

Fost affarijiet oħra, ir-rapport jipproponi li deputati parlamentari jiġu skwalifikati mill-Parlament jekk jaċċettaw kuntratti ta’ kwalunkwe tip mingħand il-gvern jew xi entità pubblika. Bl-istess mod, id-deputati m’għandhomx jitħallew jaċċettaw ħatriet bħala persuni ta’ fiduċja jew bħala membri ta’ bordijiet jew kumitati tal-gvern.

Kif jgħid ir-rapport, “Il-prinċipji tad-demokrazija jitolbu li l-Parlament għandu jkun kapaċi jżomm il-gvern kontabbli għall-egħmil tiegħu, iżda l-Parlament ma jistax ikun effettiv f’dan l-irwol jekk id-deputati jiddependu fuq il-gvern għall-għixien tagħhom.”

Ir-rapport jipproponi li l-imħallfin u l-maġistrati għandhom jintgħażlu skont il-mertu wara sejħiet pubbliċi għal espressjonijiet ta’ interess immirati lejn karigi speċifiċi fil-ġudikatura. B’hekk jiġi żgurat li l-aħjar persuna tinħatar f’kull kariga. Il-gvern għandu jżomm is-setgħa li diġà għandu, li ma jimxix mal-proċess tal-għażla f’każi eċċezzjonali, iżda għandu jippubbliċizza u jiġġustifika kull każ minn dawn.

Ir-rapport josserva li s-sistema preżenti ta’ kif isiru l-ħatriet fil-ġudikatura ġiet riformata fl-2016, iżda għadha tagħti wisq diskrezzjoni lill-gvern tal-ġurnata. “Agħar minn hekk mill-perspettiva tal-indipendenza tal-qrati, il-promozzjonijiet fil-ġudikatura – minn maġistrat għal imħallef u minn imħallef għal Prim Imħallef – għadhom għal kollox fid-diskrezzjoni tal-gvern.”

Ir-rapport jipproponi wkoll li l-Kostituzzjoni għandha tippermetti ħatriet ta’ fiduċja, iżda fis-segretarjati tal-ministri biss. Il-ħatriet fil-bqija tal-amministrazzjoni pubblika għandhom bħala regola ġenerali jsiru skont il-mertu. Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għandha tingħata l-kompitu li tħares il-prinċipju tal-mertu fl-amministrazzjoni pubblika kollha, mhux biss fiċ-Ċivil kif inhu l-każ bħalissa.

Bħalissa l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Istandards innifsu jinħatru mill-President skont riżoluzzjoni parlamentari li tgħaddi bil-voti ta’ mill-inqas żewġ terzi tad-deputati. L-istess mekkaniżmu għandu jintuża fil-ħatra taċ-chairpersons tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u kummissjonijiet kostituzzjonali oħra, kif ukoll tal-kapijiet tal-Forzi Armati, il-Pulizija u s-Servizz tas-Sigurtà.

Is-Segretarji Permanenti, li huma l-ogħla uffiċjali f’kull ministeru, għandhom jinħatru mill-President skont il-mertu, iżda l-Prim Ministru għandu jkollu s-setgħa li joġġezzjona għal xi ħatra partikolari. Jekk il-President jaċċetta l-oġġezzjoni tal-Prim Ministru, jerġa’ jsir il-proċess tal-għażla għal dik il-kariga. Din is-sistema hija bbażata fuq dik li tintuża biex jinħatru l-ogħla uffiċjali fir-Renju Unit u n-New Zealand.

Dawn il-proposti huma maħsuba biex isaħħu l-mekkaniżmi li permezz tagħhom il-gvernijiet jinżammu kontabbli għall-egħmil tagħhom, iżda mingħajr ma jtellfu mill-kapaċità ta’ kull gvern li jmexxi l-pajjiż.

Ir-rapport jinkludi emendi kostituzzjonali li huma mfassla fuq dawn il-proposti.

Ir-rapport jista’ jitniżżel minn hawn.

Ritratt: Il-Palazz Verdala, il-Buskett, ir-residenza uffiċjali tas-sajf tal-President ta’ Malta.