14 Apr 2021

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li l-Ministru Carmelo Abela għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi meta kkummissjona riklam ta’ paġna sħiha fil-gazzetti li kien fih ritratt prominenti tiegħu innifsu. Ir-riklam deher fil-maġġoranza tal-gazzetti tal-Ħadd 18 ta’ Ottubru 2020, u evidentement kien intiż biex jippromwovi lill-Ministru billi kien fih ftit li xejn informazzjoni.

Il-Kummissarju investiga l-każ wara li sar ilment minn Dr Robert Aquilina, president tal-għaqda voluntarja Repubblika.

Il-Kummissarju investiga l-ilment fid-dawl tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Il-punti ewlenin fl-investigazzjoni kienu dawk ta’ separazzjoni xierqa bejn l-irwol ta’ ministru u dak ta’ membru ta’ partit politiku; rispett għall-prinċipju ta’ imparzjalità tas-servizz pubbliku; u diliġenza fl-użu ta’ riżorsi pubbliċi.

Il-Kummissarju osserva li l-Ministru pprova jiddefendi r-riklam billi jsejjaħlu “advertorial”. Biss, ir-riklam ma setax jitqies bħala advertorial billi kien fih ftit li xejn informazzjoni u kien jinkorpora ritratt ta’ nofs paġna li ma kellu ebda skop ħlief li jgħolli l-profil pubbliku tal-Ministru. Il-Kummissarju ikkonkluda wkoll li l-Ministru ma kienx messu talab uffiċjali pubbliċi japprovaw infieq għal dan l-iskop.

Il-Kummissarju ssottometta r-rapport tiegħu lill-Kumitat Permanenti tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fis-17 ta’ Marzu 2021, u fl-14 ta’ April il-Kumitat qabel li r-rapport għandu jiġi ppubblikat.

Il-Kumitat għall-Istandards jista’ jaqbel jew ma jaqbilx mar-rapport. Jekk il-Kumitat jaqbel mar-rapport, huwa fid-diskrezzjoni tiegħu li jikkunsidra x’rimedju għandu jittieħed. Biss, il-Kummissarju għall-Istandards osserva fir-rapport tiegħu li fl-Ingilterra, deputati parlamentari li jinsabu li għamlu użu ħażin minn riżorsi pubbliċi jintalbu jirrifondu l-ispejjeż lill-istat. F’dan il-każ il-kampanja ta’ pubbliċità kkummissjonata mill-Ministru Carmelo Abela swiet €7,012.97.

Ir-rapport tal-Kummissarju jista’ jitniżżel minn hawn.