19 Aug 2020

Fis-17 ta’ Awwissu 2020 il-Kumitat Permanenti tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ltaqa’ biex jikkunsidra x’azzjoni għandu jieħu kontra l-eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat dwar il-każ tal-inbejjed Pétrus. Dan wara li fis-seduta tat-22 ta’ Lulju 2020 il-Kumitat adotta l-konklużjoni tal-Kummissarju li sab li Dr Joseph Muscat kiser ir-regoli tal-etika dwar aċċettazzjoni ta’ rigali meta aċċetta r-rigal in kwistjoni, għax b’hekk kien poġġa lilu nnifsu taħt obbligu lejn persuna li kellha bosta relazzjonijiet kummerċjali mal-istat.

Dan il-każ jittratta dwar rigal ta’ tliet fliexken inbid tal-marka Château Pétrus, stmati €5,800, li ġew mogħtija mill-imprenditur Yorgen Fenech lill-Onor Dr Joseph Muscat, li dak iż-żmien kien Prim Ministru, f’festin fl-okkażjoni ta’ egħluq sninu fi Frar 2019.

Fir-rapport tiegħu il-Kummissarju ma ħax in konsiderazzjoni l-akkużi ta’ natura kriminali li saru kontra Yorgen Fenech, iżda bbaża ruħu biss fuq ir-relazzjoni kummerċjali bejn is-Sur Fenech u l-gvern Malti. Il-Kummissarju qal li hu importanti li l-ministri jżommu distanza soċjali minn tali persuni biex ma jagħtux lok għal suspetti li dawn il-persuni qed jeżerċitaw influwenza mhix xierqa fuq deċiżjonijiet tal-gvern, u li l-Prim Ministru messu wera aktar għaqal meta stieden hu stess lil Yorgen Fenech għal festin privat u ristrett u aċċetta rigali mingħandu.

Fit-3 ta’ Lulju 2020 ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ ġie ppubblikat fuq deċiżjoni tal-Kumitat. Fit-22 ta’ Lulju l-Kumitat kompla jiddiskuti l-każ u qabel b’mod unanimu li għandu jaċċetta r-rapport tal-Kummissarju, u li għandu jagħti l-opportunità lil Dr Muscat biex jagħmel sottomissjonijiet qabel ma l-Kumitat jiddeċiedi dwar miżuri ulterjuri skont l-artikolu 28 tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

Fis-17 ta’ Awwissu 2020 il-Kumitat ikkunsidra ittra mingħand Dr Muscat li qal fost affarijiet oħra li “Intenni li rfajt ir-responsabbiltajiet tiegħi kollha”. Il-Kumitat qabel li għandu jikteb lil Dr Muscat biex jgħidlu li filwaqt li Dr Muscat għandu kull dritt iżomm ferm il-pożizzjoni tiegħu, il-Kumitat qed jifhem li l-ittra ta’ Dr Muscat tammonta għal apoloġija a tenur tal-artikolu 28(d)(ii) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, u għaldaqstant il-Kumitat iddikjara l-każ magħluq.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.