28 Oct 2022

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħa nota tat-tħassib li ġie komunikat fil-midja dwar dak li jidher bħala tnaqqis fil-fondi allokati lil dan l-uffiċċju fil-baġit nazzjonali għas-sena 2023 meta mqabbel mas-sena kurrenti.

Madankollu, l-ammont ta’ €450,000 li ġie allokat lil dan l-uffiċċju fil-baġit huwa l-ammont sħiħ li talab il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards mhux qed jaħseb għal tnaqqis fl-attivitajiet tiegħu u qed jantiċipa li se jonfoq aktar minn dan l-ammont fl-2023. Għal dan il-għan l-uffiċċju bi ħsiebu juża fondi li huwa ma nefaqx fis-snin ta’ qabel.

Tul is-snin dan l-uffiċċju akkumula bilanċ ta’ fondi mhux użati. Dan huwa r-riżultat ta’ prudenza fiskali, kif ukoll tal-fatt li fl-2022 dan l-uffiċċju attwalment ingħata aktar flus fil-baġit nazzjonali milli kien talab. Dawn il-fondi akkumulati se jintużaw skont il-bżonn biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tal-uffiċċju fl-2023.

Dan jispjega dak li jidher bħala diskrepanza bejn il-fondi allokati lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-baġits nazzjonali tas-snin 2022 u 2023.