05 May 2021

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkuda li ma kien hemm ebda ksur ta’ etika in konnessjoni mal-ħatra tal-ambaxxatur ta’ Malta fil-Ghana.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment fejn ġie allegat li l-ambaxxatur ma messux inħatar għaliex kellu negozju bi sħab ma’ persuna oħra minn Malta li kienet tgħix fil-Ghana u kienet imfittxija mill-pulizija ta’ Malta.

Ġie allegat ukoll li l-Ministru Carmelo Abela, li dak iż-żmien kien responsabbli għall-affarijiet barranin, messu avża l-Kumitat tal-Parlament dwar il-Ħatriet Pubbliċi dwar ir-rabta bejn l-ambaxxatur u persuna mfittxija mill-pulizija meta ressaq il-ħatra tal-ambaxxatur quddiem il-Kumitat f’Ottubru tal-2018.

Il-Kummissarju għall-Istandards ma setax jinvestiga din l-allegazzjoni għaliex l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika ma kienx għadu ġie fis-seħħ meta l-Kumitat ikkunsidra l-ħatra tal-ambaxxatur. Madankollu, il-Ministru Carmelo Abela seta’ sejjaħ lill-ambaxxatur lura Malta kieku kien hemm bżonn minħabba r-rabtiet tiegħu. Għalhekk fl-investigazzjoni tiegħu dwar dan il-każ il-Kummissarju kkunsidra jekk il-Ministru kienx messu ħa din l-azzjoni.

Il-Kummissarju sab li kien minnu li l-ambaxxatur kien f’negozju ma’ persuna li hija mfittxija mill-pulizija f’Malta. Dan huwa kunflitt ta’ interess potenzjali għall-ambaxxatur għaliex hu jirrappreżenta l-istat Malti fil-Ghana. Biss, meta l-ambaxxatur inħatar huwa beda jiżvesti lilu nnifsu min-negozji tiegħu fil-Ghana u jżomm id-distanza mill-persuna li kien fin-negozju magħha.

Il-Kummissarju għalhekk ikkonkluda li l-kunflitt ta’ interess kien ġie indirizzat u ma kienx hemm raġuni għalfejn il-Ministru Carmelo Abela kellu jsejjaħ lill-ambaxxatur lura Malta.

Fil-korrispondenza tiegħu mal-Kummissarju, il-Ministru Abela ċaħad li kien jaf bis-sħubija bejn l-ambaxxatur u l-persuna mfittxija mill-pulizija. Madankollu, kien hemm provi li r-rabta bejniethom kienet inġabet għall-attenzjoni tal-Ministru fis-sajf tal-2017. Il-Kummissarju talab spjegazzjoni dwar din iċ-ċaħda skorretta mingħand il-Ministru, li qal li kien nesa billi għadda ż-żmien. Il-Kummissarju aċċetta din l-ispjegazzjoni.

Il-Kummissarju għall-Istandards għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-proċess tal-ħatra tal-ambaxxaturi. Qal li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għandu jagħmel skrutinju aktar estensiva ta’ kandidati qabel ma jressaq isimhom quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-Ħatriet. Dan l-iskrutinju għandu jkopri mhux biss aspetti tas-sigurtà iżda anki l-attivitajiet kummerċjali tal-kandidati. Il-Ministeru għandu jgħaddi r-riżultati tal-iskrutinju lill-Kumitat. Il-Ministeru għandu wkoll ifassal policy dwar jekk ambaxxatur ta’ Malta f’pajjiż ieħor jistax ikollu interessi kummerċjali f’dak il-pajjiż.

Barra minn hekk, il-Kummissarju għadda kopja tar-rapport tiegħu lill-pulizija għaliex osserva li safejn kien jaf hu, il-pulizija ma ġewx informati li persuna mfittxija minnhom kienet residenti l-Ghana.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ huwa aċċessibbli minn hawn.