22 Jan 2021

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li ma kien hemm ebda ksur ta’ etika mill-Ministru Edward Zammit Lewis fl-ingaġġ ta’ Dr Cheryl Azzopardi bħala konsulent legali fil-ministeru tiegħu.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment mingħand il-Perit Carmel Cacopardo. L-ilment kien ibbażat fuq artiklu li deher f’The Shift News fis-7 ta’ Jannar 2021, fejn ġie allegat li Dr Azzopardi ġiet ingaġġata mill-Ministru Zammit Lewis bħala pjaċir biex jakkwista vantaġġ politiku fid-distrett elettorali tiegħu.

Il-Kummissarju sab li Dr Cheryl Vassallo (dak iż-żmien Azzopardi) ġiet ingaġġata mill-gvern fl-2016 biex taħdem fl-oqsma tad-drittijiet umani u l-ugwaljanza. Dak iż-żmien l-Onor Dr Edward Zammit Lewis ma kienx il-ministru risponsabbli għall-ugwaljanza, u għaldaqstant l-allegazzjoni li ħa xi vantaġġ mill-ingaġġ ma tistax tiġi sostnuta.

Il-kuntratt ta’ Dr Vassallo iġġedded regolarment iżda l-Ministru Zammit Lewis jista’ jitqies risponsabbli biss għall-kuntratt preżenti tagħha, li ġie ffirmat f’Marzu tal-2020. Il-Kummissarju għall-Istandards ikkumpara dan il-kuntratt ma’ ta’ qablu biex jara jekk jipprovdix xi benefiċċji addizzjonali sinjifikanti iżda sab li r-rata ta’ ħlas fis-siegħa baqgħet l-istess. Il-kuntratt ivarja biss fil-massimu tal-ħlas li jista’ jingħata matul it-tnax-il xahar tal-kuntratt.

Il-Kummissarju osserva li hemm lok ta’ tħassib dwar jekk kuntratt bħal dan kellux oriġinarjament jingħata permezz ta’ direct order, kif ukoll jekk kellux jieħu l-forma ta’ kuntratt ta’ mpieg li jingħata skont il-mertu. Madankollu dawn id-domandi ma tqajmux fl-ilment u għaldaqstant il-Kummissarju ma daħalx fihom.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.