18 Jan 2019

Fl-14 u l-15 ta’ Jannar 2019 Dott. George Hyzler, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, iltaqa’ ma’ uffiċjali fl-istess qasam tiegħu fir-Renju Unit sabiex jara kif kienu jaħdmu u jitgħallem mill-esperjenzi tagħhom. Dott. Hyzler kien akkumpanjat minn Charles Polidano, Direttur Ġenerali fl-uffiċċju tiegħu.

Fl-14 ta’ Jannar Dott. Hyzler u s-Sur Polidano kellhom laqgħat ma’ Kathryn Stone, Kummissarju Parlamentari għall-Istandards; Heather Wood u Gwen Harrison, rispettivament Reġistratur tal-Interessi Finanzjarji tal-Membri u Manager Anzjan dwar Investigazzjonijiet u Ilmenti fl-uffiċċju tas-Sinjura Stone; Lee Bridges, Direttur tal-Komunikazzjoni fil-House of Commons; u Robin James, Skrivan tal-Kumitati dwar l-Istandards u l-Privileġġi tal-House of Commons.

L-għada Dott. Hyzler u s-Sur Polidano ltaqgħu ma’ Lesley Bainsfair, Segretarja tal-Kumitat dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, flimkien ma’ Amy Austin, riċerkatriċi fis-segretarjat tal-Kumitat.

Membri parlamentari fil-House of Commons tar-Renju Unit huma marbuta b’regoli ta’ kondotta approvati mill-House of Commons. Il-Kummissarju Parlamentari għall-Istandards tinvestiga każi fejn ikun jidher li membri parlamentari ma mxewx mar-regoli. Fejn issib li r-regoli nkisru, u ma tistax tagħti rimedju bis-setgħat tagħha, hija tista’ tirrapporta l-każ lill-Kumitat Permanenti għall-Istandards tal-House of Commons. Il-Kumitat jista’ jirrakkomanda lill-Parlament li jissospendi jew anki jkeċċi membri parlamentari.

Il-Kummissarju Parlamentari għall-Istandards tikkunsidra wkoll każijiet ta’ bullying u fastidju minn membri tal-House of Commons. F’dawn il-każi l-investigazzjonijiet isiru minn entità esterna u l-Kummissarju tiddeċiedi l-każi hi.

Il-Kumitat dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika tar-Renju Unit hu entità separata li ma tikkunsidrax każi individwali. Il-Kumitat twaqqaf fid-disgħinijiet biex jagħmel rakkomandazzjonijiet għat-titjib ta’ standards etiċi fil-qasam governattiv kollu. Fl-ewwel rapport maħruġ mill-Kumitat, taħt Lord Nolan li dak iż-żmien kien il-president tiegħu, il-Kumitat ħareġ bl-interess pubbliku, l-integrità, l-oġġettività, il-kontabilità, it-trasparenza, l-onestà u l-eżempju tajjeb fit-tmexxija bħala s-seba’ prinċipji tal-ħajja pubblika. Il-Kumitat għadu jiffunzjona bħala entità indipendenti iffinanzjata mill-Uffiċċju tal-Kabinett tar-Renju Unit.

Mar-ritorn tiegħu f’Malta, Dott. Hyzler kiteb lill-Kummissarju Parlamentari għall-Istandards u lill-Kumitat dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika tar-Renju Unit biex jirringrazzjahom talli laqgħuh u tal-iskambju siewi ta’ informazzjoni. Dott. Hyzler stieden lill-Kummissarju Parlamentari għall-istandards, is-Sinjura Stone, biex iżżur Malta u tindirizza d-deputati tal-Parlament ta’ Malta.

Ritratt: Dott. George Hyzler, Kathryn Stone u Charles Polidano maġenb il-Parlament tar-Renju Unit f’Londra.